Decizjoni tal-Awtorita - Ilmenti dwar 'Xarabank' u 'Ghandi Xi Nghid' (22/05/2014)




Decizjoni tal-Awtorita - Ilmenti dwar 'Xarabank' u 'Ghandi Xi   Nghid' (22/05/2014)

Ilment dwar il-Programm ‘Xarabank’ fuq TVM

L-Awtorità tax-Xandir ikkunsidrat   ilment imressaq minn Imperium Europa dwar it-trattament tiegħu waqt   il-programm Xarabank li xxandar nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Mejju 2014.

L-Awtorità semgħet dan l-ilment   f’seduta li nżammet illum u li għaliha kienu preżenti s-Sur Adriano Spiteri u   Ms Arlette Baldacchino f’isem u in rappreżentanza ta’ Imperium Europa u s-Sur   Reno Bugeja, Editur u Kap Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS, li kien assistit   mill-Avukat Mark Vassallo f’isem l-istazzjon.

Is-Sur Adriano Spiteri qal li   d-dibattitu tal-panel bejn it-tliet rappreżentanti tal-partiti ż-żgħar   ixxandar ferm wara nofsilejl u għalhekk ħafna mit-telespettaturi ma kellhomx   l-opportunità li jsegwu din il-parti tal-programm. Barra minn hekk, is-Sur   Spiteri qal ukoll li t-30 sekonda biografija u l-intervista tal-kandidat   Antoine Galea wkoll ixxandru tard ħafna u li l-istazzjon messu ħa l-mizuri   sabiex din l-intervista u t-tielet dibattitu jixxandru f’hin aktar addattat.

Min-naħa tiegħu l-istazzjon qal li   l-format tal-programm kien deċiż qabel ma ngħatat id-direttiva mill-Awtorità   tax-Xandir. Għall-bidu l-programm kien se jikkonsisti f’dibattitu wieħed bejn   kelliema taż-żewġ partiti ewlenin bir-rappreżentant tal-Alternattiva   Demokratika jipparteċipa fl-aħħar parti ta’ dan id-dibattitu.

L-istazzjon qal ukoll li wara talba   u qbil bejn iż-żewġ partiti ewlenin li jkun hemm żewġ dibattiti flok wieħed,   il-programm kellu jitwal. Wara li ħarġet id-direttiva tal-Awtorità u wara   direzzjoni mill-PBS, ġie deċiż li t-tliet rappreżentanti tal-partiti ż-żgħar   jingħataw għaxar minuti kull wieħed u allura l-programm reġa’ twal b’nofs   siegħa oħra. Dan minbarra l-ispots imxandra mill-partiti b’rabta mal-iskema   ta’ xandiriet politiċi organizzati mill-Awtorità tax-Xandir, liema spots   ixxandru waqt l-istess programm Xarabank.

L-Awtorità, wara li ħadet   konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, iddeċidiet li għalkemm   l-istazzjon kien mexa mad-direttiva tal-Awtorità u offra spażju   lill-partiti/movimenti żgħar li qed jikkontestaw din l-elezzjoni, kien naqas   meta xandar din l-intervista wara nofsilejl.

L-Awtorità hija tal-fehma li   l-istazzjon seta’ ħa passi biex kemm jista’ jkun l-aħħar dibattitu ma   jixxandarx daqshekk tard u dan billi ċerti rkejjen ta’ divertiment ,fosthom   kant u zfin, setgħu ma kienux inklużi fil-programm, aktar u aktar meta wieħed   iqis li n-natura ta’ din l-edizzjoni kienet waħda dedikata għall-kandidati u   l-proposti tal-partiti għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Fid-dawl ta’ dawn   il-kunsiderazzjonijiet, l-Awtorità ssib li l-ilment imressaq minn Imperium   Europa huwa ġustifikat. Madankollu, l-Awtorità tħoss li ġaladarba l-Moviment   Imperium Europa nghata l-ispazju fil-programm u tinnota ukoll l-istazzjon ta   l-opportunità lir-rappreżentanti ta’ Imperium Europa jwasslu l-messaġġ   tagħhom waqt programmi oħra fuq TVM, m’għandux jingħata rimedju.

 


 

Ilment dwar il-Programm ‘Għandi Xi Ngħid’ fuq TVM

L-Awtorità kellha quddiemha lment   mingħand Imperium Europa datat 21 ta’ Mejju 2014 rigward il-programm Għandi   Xi Ngħid ta’ dakinhar stess. Imperium Europa lmenta għall-fatt li l-parti   allokata għall-istess kienet se tiġi rrekordjata minn qabel, kontrarjament   għal dak li kien qed isir ma’ ħaddieħor, liema aġir kien meqjus   diskriminatorju.

L-Awtorità semgħet dan l-ilment   f’seduta li nżammet illum u li għaliha kienu preżenti s-Sur Adriano Spiteri u   Arlette Baldacchino f’isem u in rappreżentanza ta’ Imperium Europa u s-Sur   Reno Bugeja, Editur u Kap Taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS, li kien assistit   mill-Avukat Mark Vassallo f’isem l-istazzjon.

L-Awtorità, wara li ħadet   konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, b’mod partikolari   l-ammissjoni min-naħa ta’ Imperium Europa li minkejja dan it-trattament   il-messaġġ tal-istess kien twassal lit-telespettaturi u li l-Liġi tax-Xandir   ma tidentifikax format speċifiku li permezz tiegħu għandu jitwassal messaġġ,   iddeċidiet li l-ilment ma kienx ġustifikat u l-allegazzjoni dwar diskriminazzjoni   ma kinitx tissussisti. In vista ta’ dan, l-Awtorità qablet li ma tieħux passi   ulterjuri dwar dan il-każ.