Deejays Radio - 12 ta Lulju 2019




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ Deejays Radio
rigward it-trasmissjoni tat-12 ta’ Lulju, 2019


L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Deejays Radio rigward it-12-il siegħa ta’ trasmissjoni tar-radju tal-komunità ta’ nhar l-Erbgħa 12 ta’ Ġunju 2019 bejn is-07:00am u s-19:00, fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 2(a)(ii) tal-Ewwel Skeda tal-Att dwar ix-Xandir, meta matul it-trasmissjoni l-istazzjon li huwa lliċenzjat li jxandar minn San Ġwann fi istanzi differenti, kellu numru ta’ reklami ta’ stabbilimenti kummerċjali li kienu jaqgħu barra mill-akkwata ta’ fejn ixandar dan l-istazzjon.

Barra minn hekk, l-istazzjon kiser kundizzjoni oħra tal-liċenzja hekk kif mogħtija lilu meta bidel l-isem tal-istazzjon mingħajr l-approvazzjoni bil-miktub u mitluba minn qabel mill-Awtorità. Fil-perjodu in kwistjoni li-istazzjon beda jiġi promoss bħala Christian Radio Music fil-jingles kollha li xxandru u fl-ebda ħin ma kien hemm referenza għal Deejays Radio. Barra minn hekk l-istazzjon lanqas ma segwa l-istruzzjonijiet tal-Awtorità mogħtija f’ċirkolari 1/19 fl-14 ta’ Jannar 2019 li fiha l-istazzjonijiet tar-radju tal-komunità ġew mitluba jindikaw li huwa stazzjon tal-komunità.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Edward Spiteri f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fis-27 ta’ Novembru, 2019, li minn naħa tiegħu filwaqt li ammetta l-akkuża kkontenda li dan l-istazzjon kellu l-għan ewlieni li jgħati servizz lill-morda u biex jagħmel l-evanġelizzazzjoni. Żied li huwa ma’ kienx ibiegħ reklami u minn dan l-istazzjon ma’ kienx hemm qliegħ għax kwalunkwe introjtu kien imur biex jitħallsu l-ispejjeż.

Is-Sur Spiteri qal li tnejn mit-tliet reklami indikati kienu intrinsikament marbutin mal-attivita’ privata tiegħu.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u in vista tal-ammissjoni tal-istazzjon iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u qablet li timponi l-penali relattiva fl-ammont ta’ €1160 liema penali kellha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika.

Illum l-20 ta’ Diċembru, 2019