Deejays Radio - Galactic Time - 1 ta’ Lulju, 2010




Akkuża fil-konfront ta’ L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Deejays Radio dwar il-programm Galactic Time tal-1 ta’ Lulju, 2010 fejn kien hemm ksur ta’ Artiklu 10(10) tal-Att dwar ix-Xandir, meta l-istazzjon irreklama negozji li kienu jaqgħu barra mill-akwata ta’ fejn kien qed ixandar l-istazzjon, paragrafu 4 tat-Tielet Skeda, meta kien hemm nuqqas ta’ separazzjoni bejn kontenut u reklami, paragrafu 2.1 tal-Ħtiġijiet dwar Rekalmar ta’ Xorb Alkoħoliku, meta l-istazzjon xandar reklami tal-birra Bavaria f’ħinijiet projbiti u paragrafu 2.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar il-Prezz ta’ Telefonati u SMSs fil-Mezzi tax-Xandir, meta l-istazzjon ma ħabbarx il-prezz abbinat man-numru tal-kompetizzjoni.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sur Edward Spiteri li deher għall-istazzjon flimkien ma’ Ms Jacqueline Graham u s-Sur Zammit.

L-Awtorità iddiskutiet fit-tul ir-rapport tal-monitoring u s-sottomissjonijiet tal-istazzjon u kkostatat illi ma kinitx taqbel mal-interpretazzjoni tas-Sur Spiteri dwar ir-risposta komunikata mill-Kap tad-Dipartiment tal-Monitoring, liema risposta, skont l-Awtorità, kienet tindika b’mod ċar illi sabiex ir-restrizzjonijiet territorjali ma jibqgħux japplikaw, liċenzja għal stazzjon tal-komunità kellha tiġi mibdula f’waħda għal xandir nazzjonali fuq il-pjattaforma diġitali, u fil-każ in eżami dan kien għadu ma seħħx. 

Dwar il-parti tal-akkuża rigwardanti n-nuqqas ta’ separazzjoni bejn il-kontenut u r-reklamar, għalkemm dan il-ksur tal-liġi kien joħroġ ċar mir-rapport tal-monitoring, u ġie ikkonfermat waqt is-smiegħ, l-Awtorità innutat illi l-istazzjon ħa miżuri korrettivi hekk kif ġie notifikat. 

Dwar il-parti tal-akkuża rigwardanti r-reklamar għall-birra Bavaria l-Awtorità, wara li rat dokumentazzjoni sottomessa mill-istazzjon li kienet tidndika li l-birra Bavaria Malt   kienet klassifikata non-alcoholic, qablet li sakemm ma jkollhiex evidenza kontrarja, li tikkontrasta din id-dokumentazzjoni ma kellhiex tipproċedi ulterjoralment.

Finalment, dwar il-parti tal-akkuża rigwardanti l-prezz tat-telefonati li l-istazzjon naqas milli jxandar, l-Awtorità innutat l-intervent tal-istazzjon hekk kif dan kien konxju minn dan il-ksur tal-liġi.

In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet l-Awtorità iddeċidiet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix il-ksur hekk kif indikat.