Radju Katidral - 9 ta' Novembru 2012




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront Radju Katidral dwar l-iskeda ta’ programmi tal-istazzjon fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 23 (1) tal-Att dwar ix-Xandir meta l-istazzjon naqas li jissottometti l-iskeda relattiva tal-istazzjon u dan minkejja li kien mitlub jagħmel dan tliet darbiet.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lil Mons. Joseph Attard, lis-Sur Ronnie Bezzina, Station Manager u l-Avukat Jean Paul Grech li deher in rappreżentanza għall-istazzjon, f’seduta li nżammet fis-6 ta’ Novembru, 2012.

Min naħa tiegħu l-Avukat Grech filwaqt li fuq mistoqsija tal-membri ikkonferma li t-talbiet in kwistjoni kienu fil-fatt waslu fl-indirizz li kellha l-Awtorità, qal li dawn u ma kienux għaddew għand il-persuni responsabbli. Żied li kif sar meta ntbagħtet l-ittra tal-akkuża, l-Awtorità setgħet segwiet it-talba li saret permezz tal-e-mail b’telefonata. L-Avukat Grech qal li l-iskeda relattiva fil-fatt kienet intbagħtet ftit ġranet wara li ħarġet l-akkuża.

Minn naħa tiegħu Mons Attard issottometta li meta saru t-talbiet huwa kien imsiefer u okkupat b’xogħol ieħor u għaldaqstant dawn ma kienux kommunikati b’mod effettiv.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni u ddiskutiet is-sottomissjoni tal-partijiet u filwaqt li nnutat li l-istazzjon ikkonferma li kien irċieva t-talbiet biex jissottometti l-iskeda, ġibdet l-attenzjoni tal-istess għall-obbligu li kien joħroġ mil-liġi u ċioè li kull stazzjon kellu jinforma lill-Awtorità u jibgħat kopja tal-iskeda relattiva. L-Awtorità saħqet li ma kellha l-ebda obbligu li ssegwi l-korrispondenza b’telefonata ħlief f’każi meta jkun hemm dubju jekk il-korrispondenza kienitx waslet. Żiedet li f’dan il-każ, kif ġie ppruvat, dan id-dubju ma eżistiex. In oltre, l-Awtorità issottolineat il-fatt li kien l-obbligu tagħha li tara li l-istazzjonijet kollha isegwu u jaderixxu mal-provedimenti tal-liġi u tieħu l-passi neċessarji skont il-każ.

In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet inkluż l-ammissjoni tal-istazzjon l-Awtorità iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur widdbet lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.

9 ta’ Novembru, 2012