Ilment mill-Partit Nazzjonalista
L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 3 ta’ Marzu, 2014 rigward il-programm Dissett li xxandar fuq TVM fis-27 ta’ Frar, 2014 bil-parteċipazzjoni tal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Dr Manuel Mallia fejn kienu diskussi numru ta’ temi fosthom il-bejgħ taċ-ċittadinanza, il-Korp tal-Pulizija, l-Armata, u r-responsabbiltà politika.
L-Awtorità, fil-laqgħa tal-11 ta’ Marzu 2014, semgħet lil Dr Karol Aquilina f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista fil-preżenza tas-Sur David Herrera, Direttur tal-Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ PBS Ltd. li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentaza ta’ PBS Ltd.
Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista kkontenda li waqt il-programm il-Ministru Mallia li kien l-uniku mistieden fil-programm, għamel kummenti politiċi fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista barra li t-temi ttrattati kienu ta’ natura politika kontroversjali u għalkemm wieħed kien jifhem li l-bilanċ setgħa jintlaħaq fuq serje ta’ programmi sa dakinhar is-sitwazzjoni kienet waħda ta’ żbilanċ. Żied li l-kunċett ta’ bilanċ fuq serje ta’ programmi kellu jitqies f’kuntest u n-nuqqas ta’ l-istazzjon li jagħti rimedju fi żmien raġonevoli kellu għalhekk jiġi indirizzat.
Minn naħa tiegħu l-istazzjon qal li a bażi ta’ deċiżjonijiet passati tal-istess Awtorità (diversament komposta) il-bilanċ kellu preferibbilment jintlaħaq fl-istess edizzjoni tal-programm. Madankollu, żied li l-istess Awtorità kienet iddikjarat li l-fatt li jkollok mistieden wieħed fi programm one-to-one ma kienx neċessarjament u awtomatikament jirrendi l-programm żbilanċjat u proprju dan kien l-argument fil-każ odjern.
L-istazzjon qal li in oltre waqt il-programm, il-preżentatur wera kontinwament li kien qed jikkontesta d-deċiżjonijiet u l-argumenti tal-Ministru u żied li meta Ministru jkun qed jiġi ssindikat mill-preżentatur m’hemmx bżonn li jkun hemm il-kontro-parti preżenti fl-istudjo.
Sussegwentement għas-smigħ tal-każ, l-istazzjon għamel sottomissjoni bil-miktub li fiha impenja ruħu li jtella’ programm fl-10 ta’ April 2014 dwar l-istess suġġett li fih ikun mistieden il-kelliem tal-Oppożizzjoni
L-Awtorità, wara li qieset is-sottomissjonijiet inkluż l-impenn li ngħata mill-istazzjon li jtella’ programm bil-parteċipazzjoni tal-kelliem tal-Oppożizzjoni ddeċidiet li s-suġġett kien eżawrit u li ma kellhiex għalfejn tieħu azzjoni ulterjuri dwarhu.
Illum 20 ta’ Marzu, 2014