[01/16] Preservazzjoni ta' Pellikola Storika




Stqarrija 1/16

Bidu ta’ Preservazzjoni Fuq Pellikola Storika
fl-Arkivji tal-Awtorità tax-Xandir


Matul il-55 sena li ilha teżisti, l-Awtorità tax-Xandir serviet bħala r-regolatur fuq ix-xandir f’pajjiżna. Barra minn hekk, kien hemm żmien meta minbarra li tirregola, l-Awtorità kienet tipproduċi l-programmi ta’ interess pubbliku, timporta dokumentarji edukattivi, u għal ftit żmien kellha anke l-istazzjon televiżiv edukattiv, Channel 12. Minħabba f’hekk, l-Awtorità għandha kollezzjoni ta’ filmati fl-arkivji tagħha li jmorru lura mis-snin sittin ‘l hawn.

M’hemmx dokumentazzjoni li turi x’hemm f’dawn l-arkivji. Għalhekk bħala parti mill-kollaborazzjoni bejn l-Awtorità u l-Fondazzjoni M3P, fl-aħħar xhur twettqet ħidma biex jinġabar inventarju dettaljat ta’ din il-kollezzjoni ta’ pellikola li hemm fl-arkivji. Waqt dan ix-xogħol instabu ‘l fuq minn 750 rutella b’madwar 600,000 pied ta’ pellikola.

Fost it-titli misjubin fil-kollezzjoni tal-Awtorità tax-Xandir hemm produzzjonijiet Maltin kif ukoll oħrajn impurtati. Fost dawk lokali hemm il-Karnival tal-1968, filmati mill-edizzjoni oriġinali tas-sensiela ta’ drama Maltija F’Baħar Wieħed, intervista ma’ Sir Stanley Matthews, il-futboler Ingliż li kien residenti f’Marsaxlokk, filmati tal-laqgħat tal-Bord tal-Awtorità fil-bidu tas-snin sebgħin u parti mill-Malta Song Festival tal-1971.

F'Bahar Wiehed

Tajjeb jingħad ukoll li hemm għadd ta’ rutelli mingħajr ebda kitba fuqhom u li għad iridu jiddawru f’projector biex l-inventarju jkun tassew komplut. Apparti hekk, jista’ jagħti l-każ ukoll li uħud mill-kaxxi mmarkati b’ismijiet partikolari jista’ jkun fihom filmati differenti minn kif indikat. Għalhekk mhux eskluża l-possibilità li hemm xi teżor storiku moħbi f’din il-kollezzjoni.

Maż-żmien din il-pellikola ma tibqax f’kundizzjoni tajba għax it-tertuqa titmermer speċjalment jekk ma tinżammx f’kundizzjonijiet ta’ temperature u klima kkontrollata. L-Awtorità tax-Xandir għandha madwar 250,000 pied ta’ pellikola li tinstab fi stat tajjeb, waqt li ammont sostanzjali tal-kumplament tal-pellikolali tista’ tissewwa. Madankollu dan huwa proċess kumpless u speċjalizzat li f’Malta m’hawnx laboratorju li fih jista’ jsir dan ix-xogħol.

Din hija biss parti mill-kollezzjoni li għandha l-Awtorità tax-Xandir. Issa li tkompliet l-ewwel parti li nbeda x-xogħol fuqha, li hija l-parti tal-pellikola, it-tieni parti ta’ dan il-proċess tirrigwarda t-tapes kemm ta’ filmati fuq video kif ukoll ta’ audio.

F’kumment wara li sar ix-xogħol fuq l-ewwel parti tal-inventarju, is-Sur Pierre Cassar, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir ikkummenta li l-Awtorità tax-Xandir hija kommessa li tippriserva filmati antiki biex jibqgħu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet tal-ġejjien. Il-kollaborazzjoni tal-Fondazzjoni M3P taċċerta dan. Dr Toni Sant, President tal-M3P Foundation żid li “l-kollaborazzjoni ma’ Awtorità tax-Xandir hija tassew sinifikanti, speċjalment fid-dawl ta’ ħidma oħra fuq livell nazzjonali fil-preservazzjoni tal-memorja nazzjonali miżmuma fuq materjal awdjoviżiv f’diversi kollezzjonijiet pubbliċi kif ukoll privati.”

Mario Axiak, M.B.A (Maastricht)
Kap Riċerka u Komunikazzjoni
16 ta' Marzu 2016