[01/23] Iċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti




Stqarrija għall-Istampa

13 ta’ Frar, 2023

PR. 01/23

 

Iċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti

Għal sena oħra l-Awtorità qed tkompli tagħti sehemha fil-qasam tal-media billi tgħin impjegati li jaħdmu fil-qasam tal-media biex itejbu l-kwalità tal-lingwa Maltija. Dan billi għal sena oħra l-Awtorità qed tissussidja l-ħlas tal-kors tal-Qari tal-Provi bil-Malti għal tliet persuni li jikkontribwixxu fix-xandir kemm fir-rapporti tal-aħbarijiet kif ukoll f’ġeneri ta’ programmi ta’ divertiment.

It-tliet parteċipanti li ntgħażlu għal dan il-kors u li qed jingħataw is-sussidju huma Shanaya Farrugia, ġurnalista ta’ ONE News, Gino Tanti mill-WE Media, Gavin Muscat min-Newsbook. Dawn ix-xandara se jkunu f’pożizzjoni li jkollhom għarfien fit-tħaddim tal-lingwa Maltija u jkabbru l-għarfien tagħhom fl-użu tal-ilsien Malti. B’hekk ukoll se jkunu wkoll bħala punt ta’ referenza għall-kollegi tagħhom fl-organizazzjoni tagħhom bil-għan li l-kontenut awdjo viżiv ikun ta’ kwalità partikolarment fit-tħaddim tal-lingwa Maltija.

Għal din is-sena ser tkun qed tingħaqad mal-grupp tal-parteċipanti għal dan iċ-Ċertifikat, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, Dr Joanna Spiteri, bil-għan li l-Awtorità tara li l-impjegati tagħha jkomplu jtejbu u jaġġornaw il-ħiliet tagħhom fit-tħaddim tal-ilsien Malti.

Il-kors hu organizzat mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università u l-Kunsill tal-Malti, u jwassal għaċ-Ċertifikat Universitarju fil-Qari tal-Provi bil-Malti ta’ Livell 5 (MQF).

Waqt il-preżentazzjoni tal-ftehim li sar bejn l-Awtorità tax-Xandir [mix-xellug] Gino Tanti – WE Media, iċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir Frank V. Farrugia, Dr Joanna Spiteri - Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, Shanaya Farrugia – ONE News u Kevin Papagiorcopulo – 103 Malta’s Heart li kien qed jirrappreżenta lil Gavin Muscat li ma kienx preżenti għall-iffirmar tal-ftehim.