[03/13] - Media Release: Xandiriet Politici (08/01/2013)




Media Release 3/13

L-Awtorità tax-Xandir tagħmel referenza għall-iskema ta’ xandiriet għall-elezzjoni ġenerali mħejjija minnha u aċċetata mill-partiti politiċi u tiddikjara illi hija kienet għamlet l-arranġamenti kollha biex minn għada l-Erbgħa 9 ta’ Jannar 2013 tibda l-iskema  ta’ xandiriet politiċi b’konnessjoni mal-elezzjoni ġenerali u tal-kunsilli lokali. Fost dawn l-arranġamenti kien hemm l-użu tal-istudios, is-sett, id-dawl tas-sett u l-persuni li kienu se jaġixxu bħala Chairpersons tad-dibattiti u tal-konferenzi stampa. Dawn l-arranġamenti saru bejn il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir u l-Kap Eżekuttiv tal-PBS Ltd.

Minkejja l-qbil li kien hemm fuq l-arranġamenti kollha u wara li l-Awtorità ħarġet l-istqarrija bl-ismijiet tac-Chairperson li kien ser ikun is-Sur Reno Bugeja u tal-parteċipanti tal-ewwel dibattitu ta’ għada li kienu se jkunu l-Onorevoli Tonio Fenech għall-Partit Nazzjonalista u l-Onorevoli Dr Chris Cardona għall-Partit Laburista, anqas minn 24 siegħa qabel ma kien skedat ir-rekording ta’ dan id-dibattitu, il-PBS informa lill-Awtorità li l-Bord Editorjali tiegħu “kien ta direzzjoni li l-ġurnalisti tal-PBS għandhom ikunu preżenti f’attivitajiet fejn jistaqsu iżda m’għandhomx ikunu f’rwoli fejn ma jistgħux jistaqsu.” Għalhekk ma kienux se jawtorizzaw liż-żewġ ġurnalisti magħżula mill-Awtorità, ċjoè lil Reno Bugeja u lil Ruth Amaira, biex imexxu l-programmi.

Fiċ-ċirkostanzi, l-Awtorità, filwaqt li tikkundanna dan l-aġir irresponsabbli min-naħa tal-Bord Editorjali tal-PBS li joħloq problemi loġistiċi, biex taqdi l-obbligi kostituzzjonali tagħha fil-konfront tal-pubbliku, ħadet minnufih il-passi neċessarji sabiex tassigura l-iskema ta’ xandiriet politiċi tibqa’ għaddejja kif skedat u l-programm ta’ għada jixxandar kif ppjanat.

Mario Axiak

8 ta’ Jannar 2013

Kap Riċerka u   Komunikazzjoni  

Ref 10/62/43