[03/16] Kjarifika mill-Awtorità tax-Xandir




Stqarrija 3/16

Kjarifika mill-Awtorità tax-Xandir

B’referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista u kif ukoll il-konferenza tal-aħbarijiet li saru ilbieraħ mill-istess Partit dwar id-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir rigward l-ilment imressaq dwar il-programm Dissett, li xxandar fit-2 ta’ Marzu, 2016 l-Awtorità tħoss li għandha tippreċiża l-fatti.

Id-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir ta’ nhar il-21 ta’ Marzu 2016 kienet ċara ħafna, tant li ma ħassitx li għandha tilqa’ l-ilment ta’ żbilanċ imressaq mill-Partit Nazzjonalista. Dan għaliex l-edizzjoni tal-programm Dissett kienet primarjament biex isiru mistoqsijiet lill-Ministru Konrad Mizzi dwar il-kwistjoni tal-Panama.

L-Awtorità tiċċara li hija ġibdet l-attenzjoni tal-Partit Nazzjonalista għall-possibbiltà ta’ konsegwenzi legali negattivi kif ukoll għall-possibbiltà li jinħoloq żbilanc bil-kontenut tad-dritt ta’ risposta kif sottomessa mill-Partit Nazzjonalista.

B’dana kollu l-Awtorità ma tixtieqx tagħmel sarima ma’ ħalq ħadd u għalhekk kitbet lill-Partit Nazzjonalista fis-sens li jekk huwa jinsisti li tixxandar din ir-risposta, għandu jieħu r-responsabbiltà legali kollha għall-istess u jindennizza lill-Awtorità u lill-PBS Limited minn kull responsabbiltà. Fl-istess waqt, l-Awtorità tirriserva li tieħu passi oħra jekk jidrilha li jkun ġie perpetrat żbilanċ fid-dawl ta’ kull reklam li jista’ jsir.

Mario Axiak
Kap Riċerka u Komunikazzjoni
30 ta’ Marzu 2016