[03/22] Xandiriet Politici - Elezzjoni Generali 2022




Stqarrija għall-Istampa

7 ta’ Marzu 2022

Stq: 03/22

 

 

Xandiriet Politiċi – Elezzjoni Ġenerali 2022

 

 

L-Awtorità tax-Xandir bħal f’kull elezzjoni qed tniedi skema ta’ xandiriet politiċi li tikkonsisti f’sensiela ta’ dibattiti, konferenzi tal-aħbarijiet, intervisti u produzzjonijiet.  F’din l-iskema se jkunu qed jieħdu sehem il-partiti politiċi u l-kandidati indipendenti li se jkunu qed jikkontestaw dawn l-elezzjonijiet.

 

L-Awtorità tara li din l-iskema tkun tikkonsisti fi tqassim ġust fost dawk li se jkunu qed jikkontestaw l-elezzjoni. Ix-xandiriet kollha se jkunu qed jixxandru fuq TVM wara l-bulettin tal-aħbarijiet filwaqt li l-produzzjonijiet jistgħu jixxandru fuq TVM u TVMNews+ skont it-talbiet tal-istess partiti jew kandidati.

 

L-ewwel żewġ dibattiti se jkunu qed jixxandru nhar it-Tlieta 8 ta’ Marzu u nhar l-Erbgħa 9 ta’ Marzu fuq TVM, bl-ewwel dibattitu bit-tema ‘Malta Flimkien’ u t-tieni dibattitu li jixxandar l-għada d-9 ta’ Marzu se jkun ‘Miegħek. Għal Malta.’ F’dawn id-dibattiti se jkunu qed jieħdu sehem żewġ kelliema mill-Partit Laburista u żewġ kelliema mill-Partit Nazzjonalista. Liam Carter se jkun qed imexxi dawn id-dibattiti.

 

L-aħħar dibattitu ta’ din l-iskema se jkun id-dibattitu bejn il-Prim Ministru Dr Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Bernard Grech u dan se jkun qed jixxandar fit-23 ta’ Marzu. Dan id-dibattitu se jkun l-aħħar dibattitu bejn il-mexxejja taż-żewġ partiti li se jkun qed jixxandar fuq il-mezzi tax-xandir u li jagħlaq l-iskema ta’ xandiriet politiċi organizzati mill-Awtorità tax-Xandir.