[03/24] Iċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti




 

Stqarrija għall-Istampa

4 ta’ Marzu, 2024

PR: 03/24

 

 

Għal sena oħra, l-Awtorità tax-Xandir qed terġa’ tissussidja ġurnalisti, preżentaturi jew ħaddiema li b’xi mod huma involuti fil-produzzjoni ta’ kontenut tax-xandir għall-kors tal-Qari tal-Provi bil-Malti. Dan tagħmlu bil-ħsieb li jkun hemm titjib fl-użu tal-Ilsien Malti fix-xandir.

 

Il-Kodiċi tal-Ilsien Malti taħt Kapitlu 350 tal-Liġi ta’ Malta jitlob responsabbiltajiet u obbligi fuq l-Awtorità tax-Xandir u fuq ix-xandara. L-Awtorità tagħraf l-importanza li l-impjegati tax-xandir u l-ġurnalisti jkunu mħarrġa sew fit-tħaddim tal-lingwa u fil-fatt għal numru ta’ snin ilha tagħti dan is-sussidju biex tħajjar aktar nies fis-settur tax-xandir jużaw u jħaddnu Malti tajjeb.

 

Dan il-kors iwassal għal Ċertifikat Universitarju fil-Qari tal-Provi bil-Malti ta’ Livell 5 (MQF) u huwa organizzat mill-Università ta’ Malta u l-Kunsill tal-Malti. Għal din is-sena l-erba’ parteċipanti li ntgħażlu huma Elaine Camilleri minn Illum, Kimberly Sacco Baldacchino minn ONE, Christine Mamo minn Media.Link Communications u George Cassar minn PBS Ltd.

 

Waqt li ġie ffirmat il-ftehim bejn il-parteċipanti u l-Awtorità tax-Xandir, il-Kap Eżekuttiv Dr Joanna Spiteri qalet li wara li jtemmu b’suċċess dan il-kors, dawn ix-xandara se jkunu jistgħu jagħtu kontribut fuq il-post tax-xogħol ma’ kollegi xandara oħra u għaldaqstant iservu wkoll bħala punt ta’ referenza f’każijiet fejn ikun hemm bżonn qari tal-provi. Irrimarkat ukoll li l-parteċipanti ta’ din is-sena huma kollha ġurnalisti u dan jgħin is-settur ġurnalistiku biex ikompli jgħin ħalli l-aħbarijiet, wieħed mill-aktar ġeneru fix-xandir li huwa segwit, ikun miktub b’ortografija tajba. Qalet li l-aħbarijiet li huwa l-aktar ġeneru li jirrikjedi kitba fix-xandir, huwa importanti li l-ġurnalisti jkunu mħarrġa u aġġornati fil-lingwa Maltija u b’hekk il-livell tax-xandir jitjieb.

 

Fl-istess okkażjoni, iċ-Chairman tal-Awtorità s-Sur Frank V. Farrugia qal li l-Awtorità se tkompli tagħmel l-almu tagħha sabiex tgħin lis-settur tax-xandir f’dan il-qasam u għalhekk għal sena oħra l-Awtorità reġgħet offriet li tagħti dan is-sussidju.