Rilaxx: Immedjat
Data: 30 ta’ April 2019
PR 04/19
Direttiva għall-Elezzjonijiet
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, 2019
Bħalma jiġri f’kull kampanja elettorali, l-Awtorità tax-Xandir ai termini ta’ Artikli 15 u 23 tal-Att dwar ix-Xandir, tippubblika Direttiva għall-perjodu ta’ elezzjoni li tkopri l-programmi u r-reklami li jixxandru matul il-perjodu ta’ kampanja elettorali. Din is-sena d-Direttiva maħruġa mill-Awtorità tkopri l-perjodu bejn il-15 ta’ April sal-25 ta’ Mejju. Din id-Direttiva li tkun indirizzata għall-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni hija msejsa fuq prinċipji ta’ imparzjalità li huma riflessi fl-Att dwar ix-Xandir u f’Artiklu 118 u 119 tal-Kostituzzjoni. Din id-Direttiva mehmuża ma’ din l-istqarrija titlob lill-istazzjonijiet biex il-programmi ta’ diskussjoni u ġrajjiet kurrenti fost l-oħrajn ikollhom firxa wiesgħa ta’ opinjonijiet fuq is-suġġett trattat. Id-Direttiva titratta wkoll il-parteċipazzjoni ta’ kandidati għal dawn l-elezzjonijiet bil-għan li tinżamm l-imparzjalità dovuta. Barra minn hekk l-Awtorità rat ukoll li din id-Direttiva tkopri l-jumejn ta’ silenzju.
Fl-istess perjodu u ai termini ta’ Artiku 13 (4) tal-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorità tax-Xandir tfassal skema ta’ xandiriet politiċi li jikkonsisti f’dibattiti u fi spots u produzzjonijiet politiċi. Għal din is-sena l-Awtorità ħadmet fuq żewġ skemi separati, waħda għall-elezzjonijiet tal-Paralment Ewropew u l-oħra għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Dawn l-iskemi bdew fis-seħħ mis-26 ta’ April sat-23 ta’ Mejju u fihom il-partiti politiċi inkluż ukoll kandidati indipendenti li se jikkontestaw dawn l-elezzjonijiet se jkollhom l-opportunità li jwasslu l-messaġġ tagħhom fid-dibattiti li jixxandru fuq l-istazzjon pubbliku. Dawn iż-żewġ skemi huma mehmuża ma’ din l-istqarrija.
Mario Axiak
Kap Riċerka u Komunikazzjoni
30 ta’ April 2019
Agħfas hawn għall: