Stqarrija għall-Istampa
12 t’April 2024
PR: 04/24
L‑Awtorità tax‑Xandir u l‑Union Ħaddiema Magħqudin innegozjaw u kkonkludew ftehim kollettiv ġdid għall‑impjegati tal‑Awtorità tax‑Xandir li jkopri sas‑sena 2027. Dan il‑ftehim ġie ffirmat fit‑3 ta’ April miċ‑Chairman tal‑Awtorità s‑Sur Frank V. Farrugia, il‑Kap Eżekuttiv Dr Joanna Spiteri u d‑Direttur tal‑UĦM – Voice of the Workers is‑Sur Mario Sacco u l‑Employment Relations Senior Manager is‑Sa Antoinette Aquilina. Dan il‑ftehim jirrikonixxi l‑abbiltajiet u l‑kompetenzi tal‑impjegati imma wkoll is‑sens ta’ dmirijiet u drittijiet tagħhom fi ħdan l‑Awtorità. Dan il‑ftehim serva wkoll biex policies li kellhom jiġu emendati daħlu fis‑seħħ biex tkompli titjieb il‑professjonalità fi ħdan din l‑entità kostituzzjonali.
Iċ‑Chairman tal‑Awtorità, is‑Sur Frank V. Farrugia qal li dan il‑ftehim kollettiv huwa pass importanti għal titjib fil‑kundizzjonijiet tax‑xogħol u l‑pakketti tas‑salarji għall‑impjegati tal‑Awtorità. Is‑Sur Farrugia rringrazzja lill‑partijiet kollha involuti għall‑koperazzjoni li ‑wrew, u rringrazzja wkoll lil Dr Matthew Brincat li kien importanti għar‑riżultat finali ta’ dan il‑ftehim.
Il‑Kap Eżekuttiv tal‑Awtorità tax‑Xandir qalet li filwaqt li dan il‑ftehim kollettiv jippremja l‑ħidma u l‑bżulija tal‑impjegati tal‑Awtorità, dan għandu wkoll iservi biex l‑impjegati juru aktar sens ta’ lealtà lejn il‑post tax‑xogħol tagħhom u jsaħħaħ ukoll l‑għajnuniet li jkun hemm bżonn u sakemm huwa possibbli. Qalet li tittama li dan il‑ftehim iservi ta’ benefiċċju reċiproku għall‑ħaddiema kollha.
Is‑Sur Sacco u s‑Sa Aquilina rringrazzjaw lil dawk kollha involuti biex intlaħaq il‑ftehim aħħari u b’hekk dan seta’ jiġi ffirmat.
Preżenti għall‑ftehim kien hemm ukoll iċ‑Chief Operations Officer tal‑Awtorità s‑Sur Adriel Vella, iċ‑Chief Corporate Services is‑Sur Daniel Delia u r‑rappreżentanti tal‑ħaddiema Mary Grace Caruana u David Paul Mallia. Preżenti għall‑iffirmar kien hemm ukoll is‑Sur Mario Grixti u s‑Sa Therese Formosa mill‑Industrial Relations Unit tal‑Uffiċċju tal‑Prim Ministru.