[06/24] - Xandiriet Politiċi




Stqarrija għall-Istampa

29 ta’ April 2024

PR: 06/24


Xandiriet Politiċi

 

Hekk kif resqin l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropej u għall-Kunsilli Lokali, l-Awtorità tax-Xandir għandha d-dmir li ttella’ skema ta’ xandiriet politiċi. Ai termini ta’ Artiklu 13 (4) tal-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorità tax-Xandir tara li jkun hemm skema ta’ xandiriet politiċi bil-għan li jkun hemm opportunità għall-partiti u l-kandidati biex jippreżentaw il-veduti tagħhom lill-elettorat.  Minħabba li fit-8 ta’ Ġunju se jkunu qed isiru żewġ elezzjonijiet, l-Awtorità se tkun qed ittella’ żewġ skemi separati, waħda biex tindirizza l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u oħra għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Dawn l-iskemi jikkonsistu f’xandiriet, intervisti u spots politiċi u jixxandru fuq TVM u TVMNews+.

 

L-iskema ta’ xandiriet politiċi għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew se tibda mil-lum 29 ta’ April. L-ewwel programm politiku bis-suġġett magħżul mill-Awtorità tax-Xandir ser ikun “L-Ewropa f’Salib it-Toroq: X’Inhu l-Futur tal-Parlament Ewropew?” u ser ikun qed jixxandar nhar il-Ħamis 2 ta’ Mejju.  Għal dan id-dibattitu ser ikunu qed jieħdu sehem kelliema mill-Partit Laburista, mill-Partit Nazzjonalista u mill-ADPD – The Green Party. Dan id-dibattitu ser ikun qed jixxandar fuq TVM u Radju Malta fid-20:45. Imexxi dan l-ewwel dibattitu Liam Carter.