[08/11] Servizz tat-Televiżjoni b’Oġġettivi ta’ Interess Ġenerali (20/07/2011)




Media Release 8/11

Deċiżjoni dwar l-Applikazzjonijiet 
għal Status ta’ Servizz tat-Televiżjoni b’Oġġettivi ta’ Interess Ġenerali
fuq il-Pjattaforma Diġitali mmexxija mill-PBS Ltd.

L-Awtorità kellha quddiemha żewġ applikazzjonijiet minn Favourite Channel u Calypso Music TV rispettivament biex jingħataw status ta’ servizz tat-televiżjoni b’oġġettivi ta’ interess ġenerali fuq il-pjattaforma diġitali mmexxija mill-PBS Ltd.

L-Awtorità tax-Xandir baqgħet timxi mal-prinċipji elenkati fil-policy document ta’ Frar 2009 li fih il-Gvern kien stabbilixxa li l-istazzjonijiet fuq din il-pjattaforma jkunu massimu ta’ sitta. Bħalissa TVM u Education 22 diġà jxandru fuq din il-pjattaforma, u dan minħabba li x-xandir pubbliku huwa kkunsidrat bħala ‘de facto’ servizz tat-televiżjoni b’oġġettivi ta’ interess ġenerali.

Sadanittant, l-istazzjonijiet eżistenti li bħalissa jxandru fuq bażi analogue free-to-air għandhom id-dritt tal-ewwel għażla biex jinġarru fuq din il-pjattaforma. B’hekk jifdal spazju wieħed biss għal stazzjon ieħor.

L-Awtorità qiset iż-żewġ skedi proposti kif ukoll skedi preċedenti taż-żewġ stazzjonijiet li kienu ntitolati japplikaw skont Att VIII tal-2011 u kkonkludiet li fiċ-ċirkostanzi, Favourite Channel qed jindirizza aħjar il-kriterji stabbiliti mil-ligi permezz ta’ Avviż Legali 240 tal-2011 li jelenka l-ġeneri ta’ programmi li stazzjon irid ikollu biex jingħata status ta’ servizz tat-televiżjoni b’oġġettivi ta’ interess ġenerali.

Għalhekk, l-Awtorità iddeċidiet li Favourite Channel għandu jingħata l-istatus ta’ servizz tat-televiżjoni b’oġġettivi ta’ interess ġenerali dment li jintlaħaq ftehim mal-PBS Ltd. biex jinġarr fuq il-pjattaforma.

Dwar Calypso Music TV, sal-lum, ma jirrispekkjax bis-sħiħ il-kriterji kif elenkati fl-imsemmi Avviż Legali.

Mario Axiak M.B.A. (Maastricht),   M.I.M.

20 ta’ Lulju 2011 

Kap Riċerka u Komunikazzjoni 

 Ref 14/05