Deċiżjoni dwar l-akkuża fil-konfront ta’ F Living rigward il-programm Attwali li xxandar fil-5 t’April, 2019
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ F Living rigward il-programm Attwali li xxandar fil-5 t’April, 2019, fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 13(2)(a) tal-Att dwar ix-Xandir, Artiklu 16J(2) u Artiklu 16L(4) tal-Att dwar ix-Xandir meta fost l-oħrajn, f’din l-intervista s-Sur Lowell għadda kummenti offensivi għas-sentiment pubbliku u kif ukoll bl-istess kummenti kien hemm inċitament għall-mibgħeda bbażata fuq razza, reliġjon u nazzjonalita’. Fl-istess intervista s-Sur Lowell assoċja l-aggressività mal-Musulmani u l-Afrikani u għadda wkoll kummenti dwar ir-razza Afrikana fis-sens li dawn għandhom IQ inqas mill-Ewropej, liema kummenti jinħassu li jistgħu jwasslu għal diżordni minħabba li huma kummenti xenofobiċi u jistgħu wkoll ikunu offensivi għas-sentimenti pubbliċi. F’kummenti oħra matul l-istess intervista, il-preżentatur staqsa b’mod skjett dwar it-twemmin ta’ Imperium Europa li jemmen li “persuni b’diżabilità severa jew mentalment difettużi jew jiġu abortiti jew jinqatlu b’mod ħanin siegħa wara li jitwieldu”. Dan ukoll imur kontra Paragrafu 13(2)(a) tal-Att dwar ix-Xandir minħabba li huma kummenti offensivi għal sentimenti pubbliċi. Kummenti ta’ dan it-tip joffendu l-gosti tajbin minħabba l-mod dispreġġjattiv ta’ kif saru. Barra minn hekk minħabba li dan huwa programm ta’ ġrajjiet kurrenti u kien sponsorjat seħħ ksur ta’ Artiklu 16L(4) tal-Att dwar ix-Xandir.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Karl Bonaċi li kien akkumpanjat mis-Sur Gilio Pirrone f’isem F Living u lis-Sur Kevin Mercieca għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fis-17 t’April, 2019.
Minn naħa tiegħu s-Sur Karl Bonaci qal li b’dan il-programm l-istazzjon kien qiegħed josserva d-direzzjoni tal-Awtorità billi jagħti spazju lill-mexxejja tal-partijiet differenti li kienu ser jikkontestaw l-elezzjoni u b’hekk tinżamm ħajja d-demokrazija. Żied li b’dawn il-programmi l-istazzjon kien qed jirrispetta l-liberta’ tal-espressjoni.
Is-Sur Bonaci qal li bħalu ċ-ċittadini/votanti ukoll kellhom d-dritt li jkunu jafu x’kien qiegħed jgħid is-Sur Lowell u dan biex ikunu nfurmati aħjar għal min kellhom jivvutaw.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat ukoll deċiżjoni preċedenti tagħha dwar każ simili u filwaqt li rriaffermat l-importanza tat-tħaris tad-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni saħqet li dan id-dritt ma kienx assolut u kienet ir-responabbiltà tal-istazzjon li jara u jassikura li d-drittijiet ta’ terzi persuni ikunu protetti. F’dan il-każ u in vista ta’ din l-argumentazzjoni ddeċidiet li ċerti kummenti li kienu saru waqt il-programm in partikolari dawk dwar persuni b’diżabilita’ kienu jmorru kontra l-gosti tajbin u għalhekk qablet li l-akkuża f’dan is-sens ġiet ippruvata u ddeċidiet li kellha timponi l-penali ridotta fl-ammont ta’ elf mija u sittin Euro (€1160) liema penali kellha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika.
Illum it-3 ta’ Mejju, 2019
|