Data: 17 ta’ Mejju, 2024
PR 09/24
Kampanja ta’ għarfien b’kollaborazzjoni mal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi ta’ Media Awdjoviżiva (ERGA)
Fl‑isfond tal‑elezzjonijiet tal‑Parlament Ewropew, l‑Awtorità tax‑Xandir qed tniedi kampanja ta’ għarfien li ser tkun qed tidher fuq il‑mezzi tax‑xandir dwar il‑bżonn li kull ċittadin jevalwa dak li jara u jisma’ fix‑xandir. Din il‑produzzjoni saret mill‑Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi ta’ Media Awdjoviżiva magħruf bħala l‑ERGA bil‑għajnuna tal‑Kummissjoni Ewropea. L‑Awtorità tax‑Xandir tifforma parti minn dan il‑Grupp ta’ Regolaturi. Għalhekk kull Awtorità tal‑pajjiżi membri hija mħeġġa tippromwovi l‑kontenut ta’ din il‑produzzjoni qasira.
Bħala regolatur, l‑Awtorità qed tagħti importanza lil-litteriżmu tal‑media u għalhekk ipparteċipat f’numru ta’ diskussjonijiet u preparazzjoni biex dan l‑avviż jibda jixxandar fil‑pajjiżi tal‑Unjoni Ewropea inkluż Malta. B’ammont kbir ta’ informazzjoni, aħbarijiet, programmi u kontenut awdjoviżiv, kemm linjari kif ukoll online, l‑Awtorità tagħraf li kull ċittadin, bħala utent ta’ xi media jew aħbar, irid ikun konxju li l-messaġġ jista’ jkun manipulat u għalhekk din il-kampanja tfakkar fil‑bżonn li wieħed irid jixtarr dak li jara u jisma’.
L‑Awtorità se tkompli taħdem biex tmexxi ’l quddiem il‑litteriżmu tal‑media u dan jgħin ukoll biex il‑livell ta’ kwalità fix‑xandir u l‑ġurnaliżmu jiżdied. Il‑liġi tax‑xandir titlob li l‑litteriżmu tal‑media jkun promoss u fid‑dawl ta’ dan, l‑Awtorità se tkompli wkoll tagħti sehemha flimkien mal‑Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi ta’ Media Awdjovżiva (ERGA) dwar inizjattivi u proġetti oħra fil‑qasam tal‑media.
Wieħed jista’ jniżżel dan il-filmat li jinsab f’din il-ħolqa https://we.tl/t-QrLQRu4XgJ.