Stqarrija 10/12
F’laqgħa tal-Awtorità li ssejħet illum b’urġenza ġew diskussi l-avvenimenti li ġraw ilbieraħ b’konnessjoni mal-programm Xarabank li fih kien skedat dibattitu bejn il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.
L-Awtorità tesprimi d-diżappunt tagħha għall-avvenimenti li seħħew ilbieraħ fuq xi mezzi tax-Xandir.
L-Awtorità tirritjeni li meta kienet tat l-opinjoni tagħha li l-partiti kellhom id-dritt li jinnominaw il-persuni biex jirrappreżentawhom, ma kienitx tkopri l-eventwalità li l-ħin allokat għalihom jingħata lil persuna oħra li ma tirrappreżentax lill-partit.
F’dan il-każ il-Partit Laburista ma kellux dritt li jċedi l-ħin tiegħu lill-Onorevoli Dr Franco Debono u l-ftehim li kien hemm kellu jiġi rispettat. Fl-assenza tad-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, il-PBS kellu kull dritt li ttih il-liġi li jagħmel il-programm bil-partecipazzjoni ta’ Dr Simon Busuttil biss. Jekk għal raġunijiet ta’ loġistika jew raġuni oħra il-PBS iddeċieda illi l-programm ma setax isir, l-istazzjon kellu jxandar programm alternattiv.
Il-PBS kellu d-dritt u l-obbligu li jinforma lill-pubbliku għaliex il-programm skedat ma kienx ser jiġi trasmess, però, fl-opinjoni tal-Awtorità, il-PBS ma messux u naqas meta xandar programm ta’ dak it-tul fejn kienet qed tinstema’ verżjoni waħda. Għalhekk, l-Awtorità tħoss li l-programm li sar bil-parteċipazzjoni tal-preżentatur oltrepassa l-limitu għal tali spjegazzjoni.
L-Awtorità tgħid ukoll illi l-istazzjonijiet kollha li għażlu li jiddiskutu dan il-każ ilbieraħ filgħaxija naqsu milli jagħtu servizz mistħoqq lit-telespettaturi u mhux ser tittollera li każijiet simili jirrepetu ruħhom fil-futur.
Dr Simon Manicolo
|
15 ta’ Diċembru 2012
|
Segretarju tal-Bord
|
Ref 13/91
|