[11/26] - Kjarifika




Stqarrija għall-Istampa

13 ta’ Ottubru 2026

Stq: 11/26

 

 

Kjarifika mill-Awtorità tax-Xandir

dwar stħarriġ tal-udjenzi mhux ppubblikat minnha

 

 

Fid-dawl ta’ dak li qed jiġi ppubblikat fuq il-paġni tal-midja soċjali ta’ xi stazzjonijiet tat-televiżjoni u tar-radju liċenzjati mill-Awtorità tax-Xandir, l-istess Awtorità tixtieq tiċċara li l-aħħar stħarriġ tal-udjenzi ppubblikat minnha huwa datat Settembru 2025.

 

Kull stħarriġ ikkummissjonat mill-Awtorità tax-Xandir jiġi ppubblikat esklużivament fuq is-sit uffiċjali tagħha u kkomunikat lill-pubbliku u lill-partijiet ikkonċernati permezz ta’ korrispondenza uffiċjali u posts fuq il-paġni uffiċjali tal-midja soċjali tal-Awtorità.

 

Għaldaqstant, kull informazzjoni kwantitattiva u kull stħarriġ li qed jiġu kkwotati minn xi stazzjonijiet u li jingħad li saru matul is-sena 2026 ma ġewx ikkummissjonati u lanqas ippubblikati mill-Awtorità tax-Xandir.

 

L-Awtorità tinforma wkoll lill-pubbliku li fil-preżent ma għaddej ebda stħarriġ f’isimha.

 

L-Awtorità tax-Xandir tissottolinja li l-posts inkwistjoni fuq il-midja soċjali qed jużaw isem l-Awtorità mingħajr ma din ġiet ikkonsultata u mingħajr ma tat l-approvazzjoni tagħha għall-użu ta’ isimha f’dan il-kuntest.

 

Fid-dawl ta’ dan, l-Awtorità tappella lill-istazzjonijiet ikkonċernati biex jaġixxu b’kawtela u sens ta’ responsabbiltà, u biex jevitaw il-pubblikazzjoni jew iċ-ċirkolazzjoni ta’ statistika li tista’ toħloq l-impressjoni żbaljata li ġiet ikkummissjonata jew approvata mill-Awtorità tax-Xandir.

 

L-Awtorità tikkundanna kull prattika li tista’ twassal għal informazzjoni qarrieqa f’isimha, b'tali tixrid ta' informazzjoni mhux approvata mill-Awtorità tax-Xandir jwassal biex jikkomprometti l-integrità, ir-reputazzjoni u l-kredibbiltà ta’ din l-entità.