[13/19] - PR1319-IGM Journalists' Awards 2019




Rilaxx: Immedjat
Data: 8 ta’ Lulju 2019
PR 13/19

Premjijiet għall-Ġurnalisti Maltin

L-Awtorità tax-Xandir tixtieq tifraħ lill-parteċipanti tal-Malta Journalism Awards organizzat mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.

L-Awtorità taħdem kontinwament biex ittejjeb il-kontenut tax-xandir kemm bl-applikazzjoni tal-provvedimenti regolatorji li l-istazzjonijiet għandhom l-obbligu li jsegwu, iżda wkoll b’inizjattivi biex jitjieb il-livell tal-lingwa Maltija, b’korsijiet ta’ aġġornament fuq diversi temi, kif ukoll permezz ta’ laqgħat ma’ stazzjonijiet, producers, u ġurnalisti fuq temi li lilhom jikkonċernawhom direttament.

L-Awtorità, bir-riżorsi limitati li għandha twieżen u ssostni mingħajr riserva attivitajiet li jinkoraġġixxu l-ġurnalisti f’ħidmiethom. Għal sena oħra l-Awtorità tax-Xandir reġgħet qed toffri l-għajnuna finanzjarja tagħha għas-settur bil-għan li jiġi ppremjat ix-xogħol ġurnalistiku fuq il-pjattaformi kollha, iktar u iktar illum meta l-midja għaddejja minn perjodu ta’ proċess dinamiku ta’ konverġenza diġitali li jqarreb il-forom kollha ta’ komunikazzjoni.

Għalhekk l-Awtorità tax-Xandir tawgura lil dawk kollha li ġew nominati fid-diversi kategoriji tal-premjijiet tal-ġurnaliżmu Malti u tawgura wkoll li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ikompli jwessa’ l-ħidma tiegħu biex il-professjoni tal-ġurnaliżmu f’Malta tibqa’ tingħata d-dinjità li jixirqilha kemm-il darba l-membri tagħha jħaddnu l-istess aspirazzjonijiet ta’ kredibilità u fiduċja li kulħadd jistenna minnha.

Dr Joanna Spiteri
Kap Eżekuttiv
8 ta’ Lulju 2019



Mr Martin Micallef, Chair of the Broadcasting Authority (left) and Mr Yannick Pace (right), Chairperson of the Institute of Maltese Journalists

Dr Joanna Spiteri, CEO (left), Mr Martin Micallef, Chair (centre) Broadcasting Authority with
Mr Yannick Pace (right) Chairperson of the Institute of Maltese Journalists.