[14/10] lment imressaq mill-Partit Laburista kontra NET Television (28/07/2010)




Stqarrija għall-Media 14/10

Deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir 
dwar Ilment imressaq mill-Partit Laburista kontra NET Television

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Laburista, ai termini ta’ Artiklu 34 tal-Att Dwar ix-Xandir, dwar il-mod kif kien ixxandar dritt ta’ risposta, mitlub mill-istess Partit, fil-bullettin tal-aħbarijiet ta’ NET Television tad-19 ta’ Ġunju 2010. Id-dritt ta’ risposta kien b’reazzjoni għall-aħbar imxandra fil-ġurnata preċedenti fuq NET News rigward il-vot li kien ittieħed fil-Parlament Ewropew dwar rapport imħejji mill-Membru tal-Parlament Ewropew Michael Cashman, liema rapport kien ittratta il-Millenium Development Goals tan-Nazzjonijiet Uniti.

L-Awtorità semgħet l-ilment f’seduta li nżammet il-Ġimgħa 23 ta’ Lulju, 2010, u wara li rat it-traskrizzjonijiet tal-items tal-aħbarijiet relattivi u kif ukoll is-sottomissjonijiet tal-partijiet konċernati, ikkonstatat u kkonkludiet  kif jidher hawn taħt:

• l-imsemmija Ħtiġijiet tal-Awtorità jispjegaw, b’mod mill-aktar ċar, kif għandu jiġi ttrattat dritt ta’ risposta, u ċjoé, fost ħwejjeġ oħra, li r-risposta meta tinqara ma tistax teċċedi tul ta’ 180 sekonda, li l-kontenut tar-risposta ma jistax jitħallat b’kummenti tal-istazzjon, li r-risposta tista’ tiġi editjata fejn din tkun tista’ titqies bħala offensiva jew defamatorja u li, jekk l-istazzjon iħoss li għandu jikkummenta, dan għandu jagħmlu wara li r-risposta tkun inqrat kollha

• f’dan il-każ partikolari, fl-opinjoni tal-Awtorità, il-kontenut tar-risposta mitluba kien konformi mal-imsemmija Ħtiġijiet, għalkemm ir-risposta kienet tinkludi xi kummenti li setgħu ġew editjati, u għalhekk ma kien hemm l-ebda raġuni valida l-għala l-imsemmija Ħtiġijiet ma kellhomx jiġu rispettati. L-Awtorità ma tistax taċċetta li stazzjon jinterpreta Ħtiġijiet legali kif jidhirlu hu u skont il-konvenjenza tiegħu

• għalhekk, l-Awtorità kkonkludiet li l-ilment tal-Partit Laburista kien iġġustifikat u obbligat lil NET Television, b’direttiva taħt Artiklu 15 tal-Att Dwar ix-Xandir, sabiex ixandar fil-bullettin tal-aħbarijiet prinċipali tal-istazzjon u mhux aktar tard minn tliet ijiem wara li l-istazzjon ikun ġie notifikat b’din id-deċiżjoni, l-istqarrija segwenti:

“L-Awtorità tax-Xandir, wara li laqgħet ilment li sar mill-Partit Laburista skont il-Liġi tax-Xandir, ordnat lil dan l-istazzjon sabiex jaqra d-dritt ta’ risposta mitluba mill-istess Partit:

L-MEP’s John Attard Montalto u Edward Scicluna jiddeploraw l-aħbar li kienet ixxandret fuq NET News fit-18 ta’ Ġunju 2010 li huma vvotaw għal xi rapport favur l-abort.

Ir-rapport kien dwar il-Millenium Development Goals tal-United Nations u li qed jitlob lill-Kunsill tal-Ministri biex jaċċellera l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea biex jilħqu dawn il-miri li inaqqsu l-faqar fid-dinja.

Fejn kien hemm xi emendi li jirreferu direttament jew indirettament għad-drittijiet sesswali tal-mara, iż-żewġ MEP’s ivvutaw kontra. Louis Grech ma kienx preżenti minħabba li kien indispost.

L-MEP’s tal-Partit Laburista huma kontra l-abort.

Huma però kburin li vvutaw favur rapport li l-għan tiegħu hu li jsalva l-ħajjiet ta’ miljuni ta’ persuni bil-ġuħ u faqar ieħor.”

Mario Axiak

 28 ta’ Lulju, 2010

Kap Riċerka u Komunikazzjoni

 Ref. 45/10

Awtorità tax-Xandir