Stqarrija għall-istampa
9 ta’ Diċembru, 2022
PR. 15/22
Rapurtaġġ ta’ każijiet kurrenti ta’ kronaka
Fl-isfond tar-rapurtaġġ ta’ każijiet kurrenti ta’ kronaka u traġedji l-Awtorità tax-Xandir ħasset il-ħtieġa li titlob lill-istazzjonijiet tar-radju u t-televiżjoni għall-kawtela dwar rapurtaġġ ta’ dawn it-traġedji u stejjer ta’ kronaka.
Minkejja li l-Awtorità tax-Xandir tifhem li l-elementi tal-immedjatezza u esklussività fir-rapurtaġġ ta’ ċertu ġrajjiet huma essenzjali fl-għoti tal-informazzjoni, l-Awtorità tagħraf li wara l-istejjer li jiġu rrapurtati, hemm persuni li jgħaddu minn tbatija kbira frott iċ-ċirkostanzi tal-każ.
L-Awtorità talbet li s-servizzi tax-xandir jagħtu attenzjoni partikolari u jqisu sewwa dak li jinkludi fir-rapurtaġġi tagħhom, kemm viżwalment, kif ukoll f’termini ta’ informazzjoni. L-Awtorità tax-Xandir f’ċirkostanzi bħal dawn għandha diversi provvedimenti fil-liġi tax-Xandir u l-liġijiet sussidjarji li jeħtieġ li tara li jkunu implimentati. Dawn partikolarment Artiklu 13(2) tal-Att dwar ix-Xandir u leġislazzjonijiet sussidjarji li jitrattaw ir-rapurtaġġ ta’ aħbarijiet u programmi ta’ ġrajjiet kurrenti, leġislazzjoni dwar is-sehem ta’ nies vulnerabbli fil-mezzi tax-xandir u leġislazzjoni dwar rapurtaġġ ta’ traġedji fix-xandir.
F’ċirkostanzi bħal dawn l-Awtorità għaliex filwaqt li tara li l-poplu għandu jkun infurmat bi stejjer bħal dawn iżda fl-istess ħin trid tara li n-nies involuti u l-familjari wkoll ikunu imħarsa minn rapurtaġġ li jmur lil hinn milli jinforma. Għaldaqstant l-Awtorità fil-jiem li għaddew talbet lill-istazzjonijiet tax-xandir biex jirrapurtaw b’sens ta’ etika, kawtela u emapatija fil-konfront tal-persuni involuti f’każijiet kurrenti ta’ kronaka.