Stqarrija 21/19
19 ta’ Settembru 2019
Kors fil-Malti għall-Ġurnalisti, il-Qarrejja tal-Aħbarijiet u x-Xandara
Il-perjodu tal-applikazzjonijiet estiż sat-30 ta' Settembru, 2019
Infakkrukom li f’Ottubru li ġej, l-Awtorità tax-Xandir u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti se jniedu kors għall-ġurnalisti, il-qarrejja tal-aħbarijiet u x-xandara li jiktbu u jaqraw għall-pubbliku mal-istazzjonijiet tat-televiżjoni u r-radju u mad-djar privati tal-produzzjoni.
Il-kors se jiffoka fuq is-sengħa tal-kitba (mhux ortografija), it-traduzzjoni, il-pronunzja u d-dizzjoni, u r-riżorsi tal-Malti u se jitmexxa minn letturi tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università. Il-lezzjonijiet se jsiru nhar ta’ Erbgħa min-12:30pm sas-2:30pm, l-Università l-Qadima, il-Belt. Jibdew fis-16 ta' Ottubru u jintemmu fil-11 ta' Diċembru 2019. Kull min jattendi 80% jew aktar tas-sessjonijiet jingħata ċertifikat.
L-applikazzjonijiet se jibqgħu jintlaqgħu sat-Tnejn, 30 ta’ Settembru 2019. Il-formola (mehmuża) għandha timtela u tintbagħat bil-posta lis-Sur Jean-Pierre Caligari, Programme Monitor, fl-Awtorità tax-Xandir.
Inħeġġu lill-kapijiet tal-kmamar tal-aħbarijiet u tat-taqsimiet sportivi kif ukoll lill-kapijiet tad-djar privati tax-xandir biex tal-anqas jibagħtu ġurnalist/xandar wieħed/waħda li jikteb u jaqra għat-televiżjoni u r-radju, u jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex il-ġurnalisti u x-xandara tagħhom ikunu jistgħu jattendu.
Din hija opportunità li qed toffri l-Awtorità tax-Xandir bl-għajnuna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti bil-għan li l-lingwa Maltija titħaddem tajjeb u aħjar fil-mezzi tax-xandir. Sikwit issir kritika mis-semmiegħa u t-telespettaturi ta’ kif qed jintuża l-Malti fix-xandir u għalhekk dan hu l-mument li n-nies li jaħdmu fl-oqsma tax-xandir itejbu l-prodott tagħhom.
Il-ħlas tal-kors hu ta’ 20 ewro. Kull min jixtieq aktar informazzjoni jista’ jżur il-websajt tal-Awtorità tax-Xandir fuq www.ba-malta.org.
Dr Joanna Spiteri
Kap Eżekuttiv
20 ta’ Settembru 2019
Agħfas hawn biex tniżżel Applikazzjoni