Fliving - Propjetá Minn Wara l-Kwinti - Lulju 2022




Deċiżjoni fil-konfront ta’ Fliving rigward numru ta’ programmi Propjetà Minn Wara l-Kwinti li xxandru matul ix-xahar ta’ Lulju 2022

 

L-Awtorità kellha quddiemha akkużi fil-konfront ta’ Fliving rigward il-programmi Propjetà Minn Wara l-Kwinti li xxandru fit-12, 13, 14, 18, 19 u 21 ta’ Lulju 2022 fejn ġie allegat li f’dawn il-programmi kien hemm ksur ta’ Paragrafu 13.1.3 tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja, 350.14 – Ħtiġiet dwar Standards u Prattika li Japplikaw għall-Bulettini tal-Aħbarijiet u Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti.

 

Barra minn hekk il-programmi Propjetà Minn Wara l-Kwinti li xxandru fis-7, 13, 14 u 29 ta’ Lulju 2022 ġew imressqa bi ksur ta’ Artiklu 16 (K) (1) (a) tal-Att dwar ix-Xandir.

 

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Dr Joanna Spiteri kif ukoll lil Dr Mariah Mula li dehret għall-produzzjoni tal-programm, lis-Sur Simon Debono li huwa l-produttur u l-preżentatur tal-programm Propjetà Minn Wara l-Kwinti f’seduta li nżammet fis-6 ta’ Settembru 2022. Fis-seduta preżenti kien hemm ukoll is-Sur Giglio Pirrone f’isem l-istazzjon Fliving.

 

Il-Kap Eżekuttiv ippreżentat l-akkuża u qalet li waqt diversi edizzjonijiet tal-programm Propjetà Minn Wara l-Kwinti, dehru ritratti ta’ żewġ Membri Parlamentari li skont il-preżentatur ġew ipprojbiti mill-Partit tagħhom stess li jattendu għall-programm. Matul il-programmi li xxandru fit-12, 13, 14, 18, 19 u 21 ta’ Lulju 2022, il-produzzjoni ħallew ir-ritratti ta’ dawn iż-żewġ Membri Parlamentari matul il-programm kollu u ntqal li dawn se jibqgħu hemm sakemm jingħataw il-permess li jiġu fuq l-istazzjon u jispjegaw x’ġara.

 

Matul is-seduta ġiet ippreżentata wkoll akkuża għall-programmi li xxandru fis-7, 13, 14 u 29 ta’ Lulju 2022 minħabba li l-preżentatur is-Sur Simon Debono waqt il-programm ta diversi dettalji dwar korsijiet għall-Estate Agents, ta informazzjoni dwar kif wieħed jista’ japplika, il-prezz tal-kors, il-kontenut tal-kors u l-metodoloġija tal-kors. Qalet ukoll li waqt l-istess programm ixxandar reklam bi promozzjoni għal dawn l-istess korsijiet. Minħabba f’hekk il-kontenut kummerċjali tħallat mal-kontenut editorjali u dan sar bi ksur ta’ Artiklu 16 (K) (1) (a) tal-Att dwar ix-Xandir.

 

F’isem il-produzzjoni, Dr Mariah Mula qalet li r-ritratti li ġew esebiti fil-programm kienu jittrattaw referenza sempliċi kif titlob il-liġi u qalet li ma saret l-ebda referenza oħra dwar dawn iż-żewġ politiċi li kienu mistednin fil-programm. Rigward it-tieni akkuża, spjegat li l-korsijiet mhumiex ta’ natura kummerċjali għaliex dawn isiru da parti ta’ NGO u għaldaqstant ma seħħ l-ebda avviż kummerċjali u ma setgħux jitqiesu li jiffurmaw parti minn komunikazzjonijiet kummerċjali. Is-Sur Simon Debono spjega dwar dawn il-korsijiet u enfasizza li dawn kienu korsijiet li joffru taħriġ professjonali iżda huma korsijiet li ma jagħmlux profitt.

 

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat id-dokumentazzjoni relattiva u qablet li fl-ewwel akkuża l-mod kif ripetutament u matul l-edizzjonijiet kollha li ssemmew fl-akkuża dehru r-ritratti ta’ żewġ Membri Parlamentari, din ma kinitx referenza sempliċi u lanqas ma l-preżentatur deher distakkat minnhom kif titlob il-liġi u għaldaqstant sabet lill-istazzjon ħati ta’ ksur ta’ Paragrafu 13.1.3 tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.14 u ġie mmultat €1,160. Rigward it-tieni akkuża l-Awtorità qablet ukoll li l-informazzjoni li ngħatat waqt il-programmi dwar il-korsijiet huma kontenut ċar ta’ komunikazzjoni kummerċjali irrispettivament jekk l-entità li għaliha ssir referenza tagħmilx profitt jew le mill-attivitajiet tagħha u għalhekk l-istazzjon instab ħati ta’ ksur ta’ Artiklu 16 (K) (1) (a) tal-Att dwar ix-Xandir u ġie mmultat €2,330. Għalhekk l-Awtorità qed tiddeċiedi li l-akkużi ġew ippruvati u qed timponi penali komplessiva ta’ €3,490, liema penali trid titħallas fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni.

 

 

 

22 ta’ Settembru 2022