NET FM - Hekk Naħsibha Jien - 8 ta' Frar 2025




Deċiżjoni rigward akkuża fil-konfront ta’ Media.Link Communications Ltd rigward il-programm ‘Hekk Naħsibha Jien’ li xxandar fuq NET FM fit-8 ta’ Frar 2025

 

Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu akkuża kontra NET FM rigward il-programm ‘Hekk Naħsibha Jien’ imxandar fuq NET FM nhar it-8 ta’ Frar 2025. Ix-xandar għażel li jikkontesta din l-akkuża.

Għas-smigħ skedat fit-3 ta’ April 2025, dehru s-Sur Tano Vella, l-preżentatur tal-programm u l-Avukat Michael Piccinino, rappreżentant legali ta’ Media.Link Communications Ltd. L-Awtorità tax-Xandir kienet rappreżentata mill-Kap Eżekuttiv Dr Joanna Spiteri.

Il-Kap Eżekuttiv qalet li dan il-programm li xxandar bejn id-09:00 u l-10:30 ippreżentat minn Tano Vello kellu tliet mistednin u tkellmu dwar it-tattoos. Qalet li l-preżentatur introduċa lit-tattoist is- Sur Thomas Cauchi, b’tali mod li l-introduzzjoni saret reklam. Hi semmiet verbatim dak li qal il-preżentatur li kien jikkonsisti fis-segwenti:

“Inti ilek għal dawn l-aħħar snin…pjuttost, wieħed mit-tattooists rinomati issa f’pajjiżna.         U qed nagħmillek fil-fatt reklam b’xejn. Inti tinsab fi Triq San Bastjan, Ħal Qormi, biex min irid…saħħa almenu ġejt u ma ħallastekx, almenu nagħmillek naqra reklam”.

Qalet li dan jikkostitwixxi ksur ta’ paragrafu 2.2 tal-L.S.350.23 u Artiklu 16 K (1) (a) tal-Att dwar ix-Xandir.

Is-Sur Tano Vella qal li f’kemm ilu jxandar qatt ma kellu dawn il-problemi bir-regolitax-xandir. Semma li fil-programmi tiegħu jitratta diversi temi li mhumiex politiċi jew kontroversjali bħal per eżempju l-obesità. Qal li f’dan il-programm ġew diskussi t-tattoo u ma rrealizzax li mhux suppost jiddiskuti din it-tema.

Il-Kap Eżekuttiv iċċarat li l-akkuża mhix minħabba li i-tema kienet titratta t-tattoos iżda l-aspett reklamatorju li jmur lil’hinn mis-suġġett. Spjegat li l-fatt li programm jiddiskuti t-tattoo per se ma jikkostitwixxix ksur.

Dr Michael Piccinino staqsa jekk waħda miż-żewġ akkużi hix dwar it-tema tat-tattoo bil-Kap Eżekuttiv twieġeb li dan mhux minnu u li l-akkużi bbażati fuq il-parti reklamatorja. Qalet li l-L.S.350.03 hija ċara li titratta fuq reklamar.

Dr Michael Piccinino kompla li ma kien hemm ebda intenzjoni li jsir reklam u qal li tant ma sarx bil-moħbi kif jindika l-provvediment imsemmi fl-akkuża li l-preżentatur stess qal (b’ton leġġer) li bħal donnu qed jagħmel reklam. Biss qal li r-reklam irid ikun distint u mhux moħbi, u għalhekk qal ukoll li waħda mill-akkużi ma tissustistix għax ir-reklam ma kienx moħbi.

Filwaqt li mhux jikkontesta dak li ntqal, saħaq li din kienet bi żvista u talab lill-Bord jagħti ċanfira minflok multa.

Dr Alessandro Lia, membru tal-Bord, staqsa lil Dr Michael Piccinino jekk kienx qed jgħid li akkuża teliminax lill-oħra.

Dr Michael Piccinino wieġeb li l-akkuża nħarġet fuq żewġ binarji u ċioè r-reklamar u anke l-mod kif isir ir-reklam. Qal li l-parti fejn ir-reklam ikun moħbi ma għandhiex tiġi milqugħha l-għaliex huwa evidenti li ma kienx il-każ.

Wara li l-partijiet, inkluż il-Kap Eżekuttiv, ħallew is-seduta, l-Bord għadda sabiex jiddiskuti din l-akkuża.

Fl-opinjoni tal-Bord, dan ir-reklam sar bi żvista u għaldaqstant qed iwiddeb u jwissi lill-istazzjon kif ukoll qed jordnalu jxandar dan is-sunt fil-bulettin prinċipali tal-aħbarijiet tal-istazzjon fi żmien jumejn minn din id-deċiżjoni, skond Art.41(7) ta’ Kap.350, l-Att dwar ix-Xandir:

 

“Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir sab lill-istazzjon responsabbli talli xandar reklamar u/jew sura oħra ta’ programmar li kellu siltiet marbuta mat-tatwaġġ fil-ħinijiet projbiti mil-liġi tax-xandir filwaqt li ma qiesx lill-istazzjon responsabbli ta’ reklamar b’ingann tenut kont taċ-ċirkostanzi tal-istess programm. Għal din id-darba l-istazzjon ingħata twiddiba u twissija”.

 

 

 

 

Smigħ 3_25

Ref.: 4/25

12 t’April 2025