Deċiżjoni għal akkuża fil-konfront ta’ Media.Link Communications Ltd rigward nuqqas ta’ rappreżentanza tal-partiti politiċi li kkontestaw l-elezzjoni ġenerali 2026
Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu akkuża maħruġa mill-Awtorità kontra l-istazzjon NET nhar is-6 ta’ Ġunju 2026.
Il-Bord organizza smigħ għal nhar it-23 ta’ Lulju 2026 li għalih attenda Dr Michael Piccinino bħala l-editur ta’ Media.Link Communications. L-Awtorità kienet rappreżentata mill-Kap Eżekuttiv, Dr Joanna Spiteri.
Il-Kap Eżekuttiv spjegat li minn stħarriġ tal-monitoraġġ tal-awtorità nħass li hemm ksur ta’ sezzjonijiet 3 (5) u 7 tad-Direttiva minħabba li ma kien hemm ebda rappreżentanza minn partit ieħor ħlief tal-Partit Nazzjonalista filwaqt li ma ssemmiet ebda politika ta’ partiti oħra. Qalet li dan imur kontra d-Direttiva.
Dr Michael Piccinino wieġeb li waqt il-programmi politiċi fuq NET TV matul l-iskeda jkun hemm spiss esponenti tal-Partit Laburista. Qal li f’dan il-kuntest il-Partit Laburista jkun ħa deċiżjoni li ma jipparteċipax fil-programmi politiċi fuq NET TV waqt il-kampanja elettorali. Qal ukoll li d-dibattiti jsiru primarjament bejn il-partiti l-kbar.
Dr Peter Fenech, membru tal-Bord, staqsa jekk qattx kienu nklużi l-partiti ż-żgħar fl-aħbarijiet. Dr Michael Piccinino qal li ma jafx iwieġeb għal dan. Wieġeb ukoll li kien hemm diversi drabi fejn il-Profs. Arnold Cassola kien mistieden taħt kpiepel politiċi differenti. Iżda qal li ma jafx hux matul il-kampanja.
Dr Peter Fenech staqsa wkoll qattx kien hemm ilmenti minn partit żgħar dwar in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni. Dr Michael Piccinino wieġeb fin-negattiv.
Mistoqsi mis-Sur Frans Ghirxi, membru tal-Bord, dwar l-għaliex partit żgħir ma kinux mistednin, Dr Michael Piccinino qal li l-format ta’ dibattitu jinbidel u li biex dibattitu jkun sħiħ irid ikun hemm il-partit maġġuri l-ieħor.
Wara li l-partijiet ħallew is-smigħ, il-Bord għadda sabiex jiddiskuti din l-akkuża.
Il-Bord għamel referenza għad-Direttiva u qed isib lill-istazzjon ħati ta’ ksur tad-Direttiva u filwaqt li qed iwiddeb lill-istazzjon, qed jordna l-qari ta’ dan is-sunt sa jumejn mid-deċiżjoni matul l-ewwel 3 items tal-bulettin ewlieni tal-aħbarijiet. Stante li l-istess stazzjon qed jinstab ħati dwar ksur ieħor tad-Direttiva, liema deċiżjoni qed tinħareġ ukoll fl-istess data u ġġib referenza ‘Smigħ 6_26 Akkuża 5’, ukoll matul il-perjodu tal-kampanja elettorali 2026, qed jikkombina s-sunt kif ġej:
“Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir sab lill-istazzjon NET ħati ta’ żewġ akkużi, waħda dwar xandira tat-30 ta’ Mejju 2026, u oħra dwar nuqqas ieħor rigward bilanċ politiku matul il-perjodu tal-kampanja elettorali, fejn irriżulta li kien hemm ksur tad-Direttiva maħruġa mill-Awtorità. Il-Bord widdeb bil-miktub lill-istazzjon NET tan-nuqqas ta’ osservanza għall-istess Direttiva u ordnalu wkoll jaqra’ dan l-istess sunt”
Smigħ 6_26 Akkuża 7
Ref: 64/01
27 ta’ Lulju 2026