Deċiżjoni dwar ilment minn Prof. Cassola kontra NET NEWS minħabba nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ stqarrija tiegħu tas-16 ta’ Marzu dwar abbuż ta’ tliet Prim Ministri – Muscat, Abela u Gonzi u l-passaporti diplomatiċi
L-Awtorità kellha quddiemha lment minn Prof. Arnold Cassola kontra NET NEWS minħabba nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ stqarrija tas-16 ta’ Marzu dwar abbuż ta’ tliet Prim Ministri – Muscat, Abela u Gonzi u l-passaporti diplomatiċi.
Għas-seduta tas-smigħ quddiem l-Awtorità dehru Prof. Arnold Cassola u għan-NET TV dehru Karl Gouder, Chief Operations Officer ta’ MediaLink, Robert Cremona, il-Kap tal-aħbarijiet ta’ NET TV u Editur ta’ MediaLink u Dr Francis Zammit Dimech li deher bħala f’isem u in rappreżentanza ta’ MediaLink.
Prof. Arnold Cassola qal li ilu attiv fil-politika aktar minn 30 sena u huwa kandidat indipendenti li ġab l-akbar għadd tal-voti. Attwalment jirrappreżenta ftit inqas mill-1% tal-votanti waqt l-elezzjoni Ewropea u għaldaqstant jirrappreżenta minoranza ta’ dawn in-nies li vvutawlu u għalhekk għandu leħen politiku f’isimhom.
Huwa rrefera għall-Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni li jitlob li jrid ikun hemm imparzjalità xierqa dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika għal kull servizz ta’ xandir, kemm pubbliku kif ukoll privat. Qal li minkejja dan, NET TV dejjem injora l-istqarrijiet tiegħu. Qal li wara li kien hemm is-sentenza tal-Qorti, bagħat ilment għal kull stqarrija li kien joħroġ. Qal li kien hemm tweġiba mis-Sur Karl Gouder għall-ewwel ilment tiegħu fejn invoka d-diskrezzjoni editorjali. Prof. Cassola qal li jifhem li kull stazzjon ikollu d-diskrezzjoni editorjali u jikkunsidra l-valur tal-aħbar imma qal li midja oħra fil-fatt dan il-valur ta’ aħbar jarawh għaliex l-istqarrijiet jiġu rrapurtati.
Għall-MediaLink, Dr Francis Zammit Dimech qal li skont il-liġi elettorali Maltija l-istatus ta’ kandidat ma jeżistix sakemm ma jkunx hemm elezzjoni u jinfetħu n-nomini. Qal li jekk dan li qed jgħid Prof. Cassola jitħalla allura kull kandidat li ħareġ għall-elezzjoni u ma ġiex elett ikun irid jiġi rrappurtat. Dr Zammit Dimech għamel ukoll referenza għall-Artiklu 119 u qal li dan l-Artiklu jitkellem dwar il-ħin li għandu jitqassam bejn persuni ta’ partiti politiċi differenti u mhux ta’ individwi.
Qal ukoll li d-diskrezzjoni editorjali trid tittieħed ukoll fil-kuntest tal-provvedimenti tal-Kostituzzjoni. Qal li NET TV ġieli rrapporta stqarrijiet ta’ Prof. Arnold Cassola u dan fil-kuntest tad-diskrezzjoni editorjali u tal-valur ta’ aħbar.
L-Awtorità semgħet is-sottomissjonijiet u rat id-dokumenti relatati mal-każ. L-Awtorità tagħraf illi preżentament ma jeżistix status ta’ kandidat għaliex l-istatus ta’ kandidat huwa ddikjarat bil-liġi. Qalet li minkejja li Prof. Arnold Cassola jiffirma bħala kandidat indipendenti, dan l-istatus preżentament ma jeżistix. Tifhem illi kulħadd għandu dritt li joħroġ l-istqarrijiet tiegħu, imma tagħraf li fl-istess waqt id-diskrezzjoni editorjali għandha torbot fuq dak li jiġi rrappurtat u li l-kmamar tal-aħbarijiet għandhom diskrezzjoni li janalizzaw il-valur tal-aħbar.
Għaldaqstant l-Awtorità ċaħdet l-ilment ta’ Prof. Arnold Cassola tal-istqarrija tiegħu dwar abbuż ta’ tliet Prim Ministri – Muscat, Abela u Gonzi u l-passaporti diplomatiċi.
27 ta’ April 2023