NET TV - Spots tal-Gvern Lokali - 18 ta' Mejju 2024




Deċiżjoni għall-akkuża mressqa mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir kontra NET TV rigward spots tal-Gvern Lokali li xxandru fit-18 ta’ Mejju 2024 bi ksur tad-Direttiva tal-Awtorità tax-Xandir

 

Permezz ta’ ittra mibgħuta lill-istazzjon mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, Dr Joanna Spiteri, datata 23 ta’ Mejju 2024, saret referenza għat-trasmissjoni ta’ NET TV ta’ nhar is-Sibt 18 ta’ Mejju 2024 li matulha ġew innutati mill-inqas erba’ spots li jiffurmaw parti minn kampanja bit-tema Kunsilli Lokali viċin in-nies – Gvern Lokali. Dawn l-ispots ixxandru bi ksur ta’ Para. 3(4) tad-Direttiva tal-Awtorità tax-Xandir dwar Programmar u Reklami Mxandra fuq Radju u Televiżjoni matul il-perjodi tad-29 t’April sat-8 ta’ Ġunju 2024 u minkejja li l-istazzjon inġibditlu l-attenzjoni permezz ta’ email datata l-Ġimgħa 17 ta’ Mejju 2024.

L-istazzjon għażel li jikkontesta l-akkuża u għas-smigħ tal-31 ta’ Mejju 2024 deher Dr Michael Piccinino għan-nom ta’ Media Link Communications Limited.  

Dr Michael Piccinino qal li l-akkuża hija li NET TV  xandru spots favur il-Gvern. Ikkonferma li l-email irċevewha fis-17 ta’ Mejju 2024 u kien minnu li fit-18 ta’ Mejju 2024 xxandart spot li kumbinazzjoni kien favur il-Gvern u dan għax kienet għadha ma nqratx l-email. Qal li ma kienx naturalment l-intenzjoni tal-istazzjon li jixxandar dan wara li kienet inġibditlu l-attenzjoni, speċjalment meta kienet reklam tal-Gvern. Spjega li ma kien hemm ebda intenzjoni li tiġi sfidata l-Awtorità.

Wara li Dr Michael Piccinino u Dr Joanna Spiteri ħallew is-seduta l-Bord ħa konjizzjoni ta’ din l-akkuża u għadda sabiex jiddiskutiha. Il-Bord sab li l-ksur kien tassew sar u ħass li ma kellux triq oħra għajr li jimmulta lill-istazzjon skont Skeda 5 tal-Kap. 350, l-Att Dwar ix-Xandir, fl-ammont ta’ €4,660 (erbat elef, sitt mija u sittin Ewro) li għandu jitħallas entro 60 ġurnata minn din id-data.

Il-Bord qed jordna wkoll il-qari tas-sunt kif ġej:

“F’seduta li nżammet fil-31 ta‘ Mejju, l-Awtorità tax-Xandir sabet lil Net Television ħati ta’ ksur tad-Direttiva tal-Awtorità waqt dan il-perjodu ta’ kampanja elettorali. Dan minħabba li l-istazzjon xandar reklamar tal-kampanja tal-Gvern Lokali, liema reklami kienu ta’ natura politika u li jmorru kontra l-istess Direttiva tal-Awtorità. Għaldaqstant l-Awtorità mmultat lil dan l-istazzjon  €4,660 skont Skeda Ħamsa tal-Att dwar ix-Xandir”

Dan is-sunt għandu jinqara fil-bulettin tad-data tad-deċiżjoni.

 

5 ta’ Ġunju  2024

Smigħ 08/2024 Numru 4

Ref: 64/01/6