ONE - Arani Issa - 10 ta' Ottubru 2020




Deċiżjoni fil-konfront tal-programm Arani Issa li xxandar fuq ONE fl-10 ta’ Ottubru 2020

 

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE Productions rigward il-programm Arani Issa li xxandar fl-10 t’Ottubru, 2020 fejn kien allegat ksur ta’ xi dispożizzjonijiet tal-liġi.  Dawn kienu Artiklu 16 L (1) (ċ), Artiklu 16 K (a) tal-Att dwar ix-Xandir u Paragrafu 4.1.7 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.15 - Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar is-Sehem ta’ Nies bla Ħarsien Xieraq fil-Mezzi tax-Xandir.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lil Dr Joseph Chetcuti, produttur u preżentatur tal-programm. Preżenti wkoll għas-seduta kien hemm is-Sinjura Ruth Micallef, il-Kap tal-Programmi ta’ ONE. Dawn dehru virtwalment f’seduta illi saret fit-8 ta’ April 2021.

Il-Kap Eżekuttiv ressqet il-każijiet marbuta mal-programm Arani Issa tal-10 ta’ Ottubru 2020 bl-ewwel akkuża tkun ksur ta’ Artiklu 16 L (1) (ċ) tal-Att dwar ix-Xandir minħabba li f’waħda mill-captions tal-isponsors dehru dettalji żejda marbuta mal-istess sponsor.

Każ ieħor kien jirrigwardja ksur ta’ Paragrafu 4.1.7 tal-Ħtiġiet dwar is-Sehem ta’ Nies bla Ħarsien Xieraq minħabba l-parteċipazzjoni ta’ minorenni li ħa sehem fil-programm flimkien ma’ membri tal-familja tiegħu minħabba li oħt dan il-minorenni kienet il-mistiedna prinċipali tal-programm.

Il-Kap Eżekuttiv ressqet l-irkejjen tal-moda, tax-xagħar u rokna fejn tħabbru xi rigali lil waħda mill-parteċipanti fil-programm, saru bi ksur ta’ Artiklu 16 K (a) tal-Att dwar ix-Xandir minħabba li dawn l-irkejjen fil-mod kif ġew ippreżentati kienu jikkostitwixxu reklamar b’ħabi.

Min-naħa tal-ONE, Dr Chetcuti qal li fl-irkejjen li ssemmew u li uħud minnhom kienu diġà tressqu xi drabi oħra fi skedi preċedenti quddiem l-Awtorità, imma qal li kien hemm l-intendiment li l-mod kif kienu jsiru dawn l-irkejjen miftehma mal-Awtorità. Qal ukoll li kien hemm każijiet fejn il-produzzjoni ilha timxi bl-istess mod għal diversi skedi u li iżda qatt ma inġibditilha l-attenzjoni għalihom.  Rigward l-akkuża tal-minuri, Dr Chetcuti qal li l-minorenni fl-ebda ħin ma kien involut fl-istorja u lanqas b’xi mod ġiet żvelata l-istorja jew id-diffikutaljiet li kienet għaddiet minnha l-familja.

L-Awtorità wara li rat id-dokumentazzjoni relattiva, rat il-filmat u ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata in parti. L-Awtorità madanakollu tiċċara għall-allegazzjonijiet li qajjem il-preżentatur fejn ilmenta li din ma kkommunikatx miegħu n-nuqqasijiet minn qabel ma ħarġet l-akkuża, u tgħid illi għal diversi drabi inġbidet l-attenzjoni lill-istazzjon fuq dan il-ksur u deher ukoll f’seduti passati quddiem l-Awtorità propju fuq l-istess ksur. Għaldaqstant sabet lill-istazzjon ħati  fuq is-segwenti:-

  • Ħati fuq ksur ta’Artiklu 16 K (a) tal-Att dwar ix-Xandir fir-rigward tar-rokna tas-sbuħija u tax-xagħar. 
  • Twissija fir-rigward ta’ ksur ta’ Artiklu 16 K (a) tal-Att dwar ix-Xandir meta ġiet ippreżentata l-għażla tar-rigali lill-parteċipanti.
  • Twissija fuq ksur ta’ Artiklu 16 L (1) (ċ) tal-Att dwar ix-Xandir
  • Mhux ħati fir-rigward ta’ ksur ta’ Paragrafu 4.1.7 tal-Ħtiġiet dwar is-Sehem ta’ Nies bla Ħarsien Xieraq.

Għaldaqstant l-Atowrità ddeċidiet li timponi l-penali fl-ammont ta’ elfejn, tliet mija u tletin Ewro (€2,330), liema penali kellha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika.

 

                                                                                                                        26 t’April 2021