Deċiżjoni dwar ilment minn Prof Kevin Cassar kontra ONE News
li xxandar fl-1 ta’ Marzu 2021
L-Awtorità kellha quddiemha ilment li tressaq minn Prof Kevin Cassar dwar dak li xxandar fl-aħbarijiet ta’ ONE News tal-1 ta’ Marzu 2021 f’rapport tal-aħbarijiet bit-titlu “Ħaten Fenech Adami iżid l-attakk fuq Adrian Delia”.
F’email datata 2 ta’ Marzu, Prof Kevin Cassar ilmenta li waqt ir-rapurtaġġ li sar fuq ONE News tal-1 ta’ Marzu f’dan ir-rapport saru diversi allegazzjonijiet foloz dwaru fosthom li hu kien ħadem u kien fost dawk li poġġa lil Dr Bernard Grech bħala Kap tal-Oppożizzjoni u li kien voċiferu kontra Dr Adrian Delia.
Waqt seduta li instemgħet quddiem l-Awtorità fit-30 ta’ Marzu 2021, dehru b’mod virtwali Prof Kevin Cassar, filwaqt li għal ONE dehru Dr Jonathan Attard in rappreżentanza tal-istazzjon ONE u l-Kap tal-Aħbarijiet is-Sur Edward Montebello.
Fis-seduta Prof Cassar qal li r-rapurtaġġ imxandar fuq ONE News tal-1 ta’ Marzu kien qarrieqi u skorrett u ddikjara li hu qatt ma kellem jew ħadem għal Dr Bernard Grech għall-ebda pożizzjoni li kkontesta. Qal ukoll li hu kien irriżenja minn kull kariga fi ħdan il-Partit Nazzjonalista minn Settembru 2017. Prof Cassar qal li l-ġurnalisti ta’ ONE News qatt ma għamlu kuntatt jew talbu xi verifika mingħandu qabel ma xxandar dak ir-rapurtaġġ. Prof Cassar qal li l-aħbarijiet kellhom jimxu mal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14 li kienet titlob fost l-oħrajn li l-aħbarijiet jiġu ppreżentati b’mod imparzjali u akkurati. Għaldaqstant Prof Cassar talab lill-Awtorità biex taqdi l-funzjoni tagħha u taġixxi bħala l-gwardjan legali fuq l-imparzjalita u l-korretezza fix-xandir.
F’isem l-istazzjon ONE, Dr Jonathan Attard, beda billi qal li Prof Cassar naqas milli jeżerċita d-dritt li tagħtih il-liġi, dik li jitlob għal dritt ta’ risposta, xi ħaga li seta’ faċilment jagħmel. Barra minn hekk, Dr Attard qal li ma jistax ikun li Prof Cassar jibqa’ jinsisti li huwa individwu privat għaliex dan ripetutament jesprimi l-opinjoni politika fuq il-media, liema opinjonijiet jidhru b’mod regolari fuq il-media stampata. Dr Attard qal li jidher li f’kommunikati li għaddew bejn l-istazzjon u Prof Cassar ma nħassx li Prof Attard kien għamel it-talba ta’ dritt ta’ risposta u għaldaqstant Dr Attard talab lill-Prof Cassar biex jifformalizza d-dritt ta’ risposta hekk kif tikkonstata l-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14 u tinqara waqt l-aħbarijiet ta’ ONE. Hekk ikun ingħata rimedju suffiċjenti dejjem jekk iżomm mat-termini tar-risposta.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li kienet rat id-dokumentazzjoni kollha li għaddew bejn il-partijiet, l-Awtorità qablet li f’dan il-każ titlob u tiggwida lill-Prof Cassar għal dritt ta’ risposta skont il-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14 u tidħol bħala forma ta’ medjatur bejn il-lanjant u l-istazzjon. Wara li d-dritt ta’ risposta tgħaddi għand l-Awtorità, l-Awtorità tgħaddiha lil ONE biex ixandarha fl-initier tagħha. L-istazzjon għandu jirraporta wkoll li din id-dritt ta’ risposta kienet qed tinqara wara ilment li instema’ quddiem l-Awtorità.
8 ta’ April 2021
Dritt ta’ risposta hekk kif mitlub minn Prof Kevin Cassar wara ilment li sar fil-konfront ta’ ONE NEWS għal rapurtaġġ li sar fl-1 ta’ Marzu 2021
Din id-dritt ta’ risposta kienet riżultat ta’ seduta li instemgħet quddiem l-Awtorità tax-Xandir fit-30 ta’ Marzu 2021
Fl-aħbarijiet ta’ dan l-istazzjon tal-ewwel ta’ Marzu saru dikjarazzjonijiet foloz dwar il-Professur Kevin Cassar. Kuntrarju għal dak li gie mxandar mill-istazzjon ONE, il-Professur Cassar ma kienx fost dawk li ħadmu biex Bernard Grech isir Kap.
L-istazzjon kien skorett ukoll meta stqarr li l-Professur Cassar hu wieħed minn dawk l-iktar voċiferi meta internament ikun jidher li l-Kap jista’ jiċċaqlaq minn xi pożizzjonijiet. Il-Professur Cassar ma għandu l-ebda rwol fil-Partit Nazzjonalista.
L-istazzjon ONE jiskuża ruħu talli żvija lis-semmiegħa b’informazzjoni skorretta dwar il-Professur Cassar.