ONE - ONE NEWS - 18 ta' Marzu 2023




Deċiżjoni dwar ilment minn Prof. Arnold Cassola kontra ONE NEWS minħabba nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ stqarrija tiegħu tat-18 ta’ Marzu 2023 rigward il-vjaġġ tas-Segretarju Parlamentari Chris Bonett f’Londra

 

L-Awtorità kellha quddiemha lment minn Prof. Arnold Cassola kontra ONE NEWS minħabba nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ stqarrija tas-18 ta’ Marzu dwar il-vjaġġ tas-Segretarju Parlamentari Chris Bonett f’Londra

Għas-seduta tas-smigħ quddiem l-Awtorità dehru Prof. Arnold Cassola u għall-ONE dehru Sandro Mangion li huwa l-Kap u l-Editur tal-Aħbarijiet ta’ ONE NEWS u Dr Ramona Attard  dehret f’isem u in rappreżentanza tal-ONE.

Prof. Arnold Cassola qal li ilu attiv fil-politika aktar minn 30 sena,  u huwa kandidat indipendenti li ġab l-akbar għadd tal-voti. Attwalment jirrappreżenta ftit inqas mill-1% tal-votanti waqt l-elezzjoni Ewropea u għaldaqstant jirrappreżentahom bħala leħen politiku.

Huwa rrefera għall-Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni li jitlob li jrid ikun hemm imparzjalità xierqa dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika. Qal li l-ONE ilu jinjora dan l-Artiklu u l-Awtorità ma kkundannatx dan l-aġir li jmur kontra l-pluraliżmu. Irrefera għas-sentenza tal-Qorti tas-27 ta’ Frar 2023 li qalet li għandu jkun hemm imparzjalità xierqa u qal li allura kien jistenna li wara li ħarġet din is-sentenza, il-ONE jirrapporta l-istqarrijiet tiegħu. Qal li iżda din is-sentenza ġiet injorata u għalhekk daħħal ilmenti għal kull stqarrija li kien qed jippubblika u li iżda ma xxandritx mill-ONE u lanqas ma kellu tweġiba għalihom mid-diriġenti tal-kamra tal-aħbarijiet tal-ONE.

Prof. Arnold Cassola qal li jifhem li kull stazzjon tal-aħbarijiet għandu l-prerogattiva tiegħu u d-diskrezzjoni editorjali iżda qal li hu qed jiġi eskluż a priori. Spjega li filwaqt li l-istqarrijiet tiegħu jiġu rrappurtati minn midja oħra, l-istazzjon ONE qatt ma sab valur ta’ aħbar fl-ebda mill-istqarrijiet tiegħu u qed ikun sistematikament injorat.

Għall-ONE, Dr Ramona Attard qalet li biex wieħed jirrappreżenta lill-poplu, irid ikun membru fil-Parlament. Spjegat li hemm liġi li tistabbilixxi kif tkun kandidat għall-elezzjonijiet u qalet li din hija marbuta mar-writ tal-elezzjoni u fil-kuntest ta’ dan, kandidati indipendenti preżentament ma jeżistux.  Dr Ramona Attard qalet li l-ONE huwa stazzjon politiku u għandu l-aġenda politika tiegħu u għandu d-dritt li jeżerċita d-diskrezzjoni editorjali. Qal li l-istqarrijiet għaldaqstant jiġu rrappurtati skont id-diskrezzjoni editorjali. Dr Ramona Attard irreferiet għas-sentenza tal-Qorti kkwotata waqt is-smigħ u qalet li din m’għandha l-ebda effett fuq il-ONE għaliex din il-kawża ma kinitx kontra l-ONE. Qalet ukoll li Artiklu 13 tal-Att dwar ix-Xandir jagħti flessibilità f’dak li jirrigwardja xandir tal-partiti politiċi.

L-Awtorità semgħet is-sottomissjonijiet u rat id-dokumenti relatati mal-każ. L-Awtorità tagħraf illi preżentament ma jeżistix status ta’ kandidat għaliex l-istatus ta’ kandidat huwa ddikjarat bil-liġi. Qalet li minkejja li Prof. Arnold Cassola jiffirma bħala kandidat indipendenti, dan l-istatus preżentament ma jeżistix. Tifhem illi kulħadd għandu dritt li joħroġ l-istqarrijiet tiegħu imma tagħraf li fl-istess waqt id-diskrezzjoni editorjali għandha torbot fuq dak li jiġi rrappurtat u li l-kmamar tal-aħbarijiet għandhom diskrezzjoni li janalizzaw il-valur tal-aħbar.

Għaldaqstant l-Awtorità ċaħdet l-ilment ta’ Prof. Arnold Cassola tal-istqarrija tiegħu dwar il-vjaġġ tas-Segretarju Parlamentari Chris Bonett f’Londra.

 

 

27 ta’ April 2023