ONE - Programmi ta' ġrajjiet kurrenti




Deċiżjoni għall-ilment imressaq minn Imperium Europa kontra ONE rigward nuqqas ta’ stediniet fil-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti

 

Permezz ta’ email datata 12 t’ April 2024, is-Segretarju Ġenerali ta’ Imperium Europa (IE) stqarr li kien qiegħed jilmenta uffiċjalment li fuq l-istazzjonijiet ONE TV u ONE Radio, il-partit Imperium Europa “tħalla barra minn kwalunkwe aħbar”, anki dwar stqarrijiet uffiċjali tal-partit u dwar il-veduti li l-partit iħaddan fuq “temi speċifiċi”. Żied li l-ġurnalisti ta’ kamra tal-aħbarijiet professjonali huma “dovuti” li jinkludu dan it-tip ta’ rappurtaġġ.  Is-Sur Vella kompla jikteb li barra minn hekk, l-esponenti ta’ Imperium Europa qatt ma kienu mistiedna jipparteċipaw fi programmi ta’ ġrajjiet kurrenti sabiex jgħaddu fehmiethom “għall-fini tal-imparzjalità dovuta”. Filwaqt li sostna li “dan in-nuqqas ilu għaddej snin twal u b’mod sistematiku”, fakkar li fl-aħħar kampanja elettorali l-istazzjon ONE kien “iddeċieda jħallas multa sabiex imur kontra direttiva maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir [...] b’turija ta’ sfida ċara kontra l-proviżjonijiet tax-xandir minn stazzjon tal-partit fil-Gvern”. Is-Sur Vella temm jistaqsi x’rimedju se joffri l-istazzjon għal dan in-nuqqas “kontinwat li jmur kontra l-istess kundizzjonijiet tal-liċenzja li taħtu jopera”.

L-Awtorità ma rċeviet ebda tweġiba mix-xandar, bil-partit Imperium Europa jistaqsi għas-smigħ.

Is-smigħ ġie oriġinarjament skedat għat-18 t’April 2024 tali data l-lanjant ma setax jattendi. Għaldaqstant is-smigħ ġie skedat għad-29 t’April 2024 li għalih dehru s-Sur Charles Sammut, teżorier tal-partit Imperium Europa, assistit mill-Avukat Emmy Bezzina. Għal ONE dehru s-Sinjura Ruth Vella, Chairperson tal-ONE, assistita mill-Avukat Ramona Attard.

Dr Emmy Bezzina spjega li dwar dan l-ilment irid jisħaq fuq l-audi alteram partem (smigħ xieraq). Qal li Imperium Europa, bħala partit politiku, qatt ma ġew mistiedna fuq ONE u dan bi ksur lampanti tal-liġi tax-xandir, tal-kostituzzjoni u anke tgħawwiġ ta’ tagħrif infurmat għal ċittadini li jaraw il-ONE. Għalhekk qed jissoleva eċċezzjoni in linea preliminari l-għaliex ma tistax tiġi miċħuda li l-partit qatt ma ġie mistieden u dan il-fatt ma jistax jiġi nnegat. Qal li peress li ma jistax jiġi miċħud, il-Kap Eżekuttiv għandha tinterċedi.

Dr Ramona Attard qalet li per prinċipju l-kuntest huwa li l-elezzjonijiet huma viċin u li l-Partit Laburista nieda kampanja elettorali li bdiet fil-jum ta’ dan is-smigħ. Qalet li l-ilment huwa wieħed intempestiv stante li din hija l-ewwel ġurnata tal-kampanja elettorali u għalhekk mhux floku dan l-ilment. Qalet li ma tagħmilx sens li fuq stazzjon politiku mħallas mill-għaraq tal-membri, ikun hemm xi ħadd jiddetta liema messaġġ se jiġi mxandar u fi x’ħin. Għalhekk, in vista wkoll tal-fatt li ħafna minn nies skont sondaġġi ma humiex jirċievu l-messaġġ permezz tat-televizjoni, hi ma tistax tifhem l-insistenza li xi ħadd, f’dan il-każ partit politiku,  japplika biex ikun inkluż fuq dan l-istazzjon li n-nies ikunu ħallsu sabiex permezz tiegħu jisimgħu il-messaġġ ta’ dak il-partit politiku partikolari.

Dr Peter Fenech qal li sabiex wieħed jambjenta ftit, dan is-suġġett mhux iqum għall-ewwel darba matul dawn iż-żminijiet. Fakkar li l-Awtorità kienet qalet li tirrikonoxxi l-fatt li l-istazzjon huwa sostenut mill-volontiera u sostenituri segwaċi iżda li fil-kuntest tal-liġi madankollu hemm l-obbligu li jiġu mxandra l-opinjonijiet kollha għax din mhix kwistjoni ta’ bilanċ bejn ONE u NET iżda li l-fehmiet, kemm ‘l hawn u kemm ‘l hinn, iridu jiġu mxandra kultant. U dan skont anke l-istess kundizzjonijiet tal-liċenzja.

Dr Ramona Attard qalet li hi qed titkellem biss fuq l-eċċezzjonijiet preliminari li ddeskriviet bħala intempestiva l-għaliex il-Partit Laburista kien għadu kif nieda l-kampanja elettorali tiegħu. Baqgħet ukoll tisħaq li fuq stazzjon privat u politiku l-Awtorità ma hix korretta timponi dawn il-kundizzjonijiet a favur partit ieħor. 

Dr Emmy Bezzina qal li ONE ħarġu mill-kuntest assolut tal-ilment li Imperium Europa qatt ma ġie mistieden jipparteċipa skont il-liġi. Kompla li dan id-dritt huwa ta’ kull ċittadin u li dan joħroġ mill-kostituzzjoni, il-liġi tax-xandir u l-prinċipji li jafu ben tajjeb tal-audi alteram partem. Tenna li n-nies għandhom dritt ikunu jafu li hemm fehmiet oħra ma’ dak li qed jingħad.   Dr Emmy Bezzina qal li ma jistax jaqbel ma’ dak li qalet Dr Ramona Attard u ta sfond ta’ kif issawret il-liġi kurrenti tax-xandir. Qal li hu prinċipju fallaċi l-kuntest li jeżistu biss żewġ partiti u li sine qua non, il-partit politiku Imperium Europa li qed jirrappreżenta faxxa ta’ fehma u opinjonijijet fil-pajjiż, dan ukoll għandu d-dritt li jgħaddi l-fehmiet tiegħu irrilevanti minn min jaqbel u ma jaqbilx miegħu. Spjega li din mhix biss deċiżjoni tal-Bord skont il-liġi iżda wkoll deċiżjoni tal-Kap Eżekuttiv li skont il-liġi għandha l-jedd li tintervjeni għall-fatt li Imperium Europa qatt ma ġie mistieden. Ikkonkluda li skont l-ispjega ta’ Dr Ramona Attard ir-raġuni li ma jiġix mistieden il-partit Imperium Europa hi li l-istazzjon huwa ta’ partit politiku mħallas mis-segwaċi tiegħu fejn allura ma hemmx il-bżonn li jixxandru opinjonijiet oltre. Qal li din il-linja ta’ ħsieb  mhix waħda valida fil-liġi u li Dr Ramona Attard ikkontradixxiet lilha nnifisha meta mbagħad qalet li ONE isemma l-fehmiet tal-Partit Nazzjonalista.

Għal dan Dr Ramona Attard wieġbet li l-Partit Nazzjonalista qiegħed fil-Parlament.

Dr Emmy Bezzina sejjaħ dan ir-raġunament zopp għax il-liġijiet jippermettu ideat varji mill-partiti politiċi kollha u li ma hemm ebda neċessità li dan ikun fil-parlament l-għaliex hemm obbligu demokratiku u ta’ dritt legali li dawn jiġu nklużi. Dan l-għaliex in-nies iridu jiffurmaw idea luċida u ċara bejn partit u ieħor. Dwar il-fatt li l-Partit Nazzjonalista qiegħed fil-parlament, Dr Emmy Bezzina qal li ONE jikkritika lil dan il-partit anke fuq temi ta’ barra l-parlament apparti l-fatt li tista’ ssir kawża kostituzzjonali għall-fatt li fil-parlament mhux qed ikun possibbli li jdeffes rasu t-tielet partit. Qal li Imperium Europa għandu jingħata d-dritt u l-fakultà sabiex ikollu spazju adekwat ħa jsemma leħnu u jagħti fehmtu u jispjega dwar xiex jemmen speċjalment meta jeżistu opinjonijiet mhux veritiera dwar dan il-Partit Imperium Europa u l-fundatur tiegħu.

Dr Ramona Attard qalet li r-rimedju effettiv jingħata jekk xi ħadd ikun qal xi ħaġa fuq xi ħadd u allura l-lanjant jingħata dan biex jirreplika. Iżda skont hi, rimedju effettiv ma japplikax fil-każ għax l-istazzjon ma xandar xejn fuq xi persuna li qed tilmenta. Ikkonkludiet billi qalet li tifhem jekk il-kuntest li semma’ Dr Emmy Bezzina huwa dwar il-kampanja elettorali u li f’dak il-każ l-ilment huwa intempestiv stante li s-smigħ qed isir fl-ewwel jum tal-kampanja.

Dr Emmy Bezzina fakkar f’kumment tas-Sur Jason Micallef meta fiż-żmien li kien qed imexxi lil ONE kien qal li dispost iħallas multa lill-Awtorità tax-Xandir u jżomm lis-Sur Norman Lowell milli jidher fuq ONE.

Għan-nom tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir, Dr Peter Fenech ikkjarifika li l-liġi tgħid li fehma tal-partit għandha tiġi mxandra mhux esponent partikolari ta’ partit li jippretendi li jkun hu fuq l-istazzjon.

Meta l-partijiet telqu mis-seduta, l-Bord għadda sabiex jiddiskuti dan l-ilment.

Il-Bord ħass li dawn l-ilmenti tressqu fi żmien strateġiku u cioè mal-perjodu tal-elezzjoni meta allura tkun bdiet il-kampanja elettorali tal-membri tal-parlament Ewropew. Irrefera wkoll għad-direttiva tal-Awtorità tax-Xandir u avża li mhux biss se jkun hemm monitoraġġ intensiv, iżda wkoll konsegwenzi għal kull xandar li jonqos mill-osservanza. Madankollu, rigward dan l-ilment partikolari, l-Bord irrefera wkoll għall-elementi fakultattivi li jgawdu l-partiti l-kbar u sab li dawn ma jibqgħux japplikaw matul iż-żmien tad-direttiva. Għal dawn ir-raġunjiet il-Bord mhux jilqa’ dan l-ilment.

 

 

 

2 ta’ Mejju 2024

Smigħ 05/2024 Numru 4

Ref: 26/24