Deċiżjoni dwar akkuża maħruġa kontra ONE dwar il-programmi Taste & Travel fil-15, 22 u 29 ta’ Ottubru 2023
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża kontra ONE rigward il-programmi Taste and Travel li xxandru fil-15, 22 u 29 ta’ Ottubru 2023, liema akkuża kienet indirizzata lill-istazzjon fit-28 ta’ Novembru 2023 u li kienet titratta reklamar b’ħabi.
Matul is-smigħ il-Kap Eżekuttiv irreferiet għal dan il-programm li fih ixxandar reklam ta’ SMS Mondial, soċjetà li kienet ukoll sponsor tal-programm. Filwaqt li fl-isponsor kien hemm biss referenza għal SMS Mondial, fil-pop-ups illi telgħu waqt il-programm dawn il-pop ups tal-SMS Mondial kienu speċifiċi għal ġiti f’Zanzibar. Qalet ukoll li waħda mill-istess pop ups intweriet waqt li l-preżentatriċi għamlet ukoll kummenti dwar dan bħal “tour sabiħ” u kummenti oħra li jmorru kontra Art. 16K(1)(a) tal-Att dwar ix-Xandir li jitkellem fuq reklam b’ħabi.
Għall-istazzjon ONE dehru s-Sinjura Ruth Vella, Chairperson, kif ukoll il-prezentattriċi tal-istess programm is-Sinjura Claire Agius Ordway waqt seduta ta’ smigħ li saret fil-11 ta’ Jannar 2024.
Is-Sinjura Ruth Vella ammettiet li sar żball bix-xandir tal-pop iżda qalet li l-kontenut ma kellu x’jaqsam xejn ma’ dak li attwalment kien qed jiġi offrut mill-SMS Mondial. Is-Sinjura Claire Agius Ordway segwiet l-argument u ammettiet li l-pop ups intwerew iżda dawn saru fil-fażi ta’ post production.
Is-Sinjura Agius Ordway qalet li kienet żaret il-post u tassew kien wieħed sabiħ, iżda kompliet li dawn il-ġiti m’humiex organizzati minn SMS Mondial u kkonfermat li l-pop-up kien żball. Temmet li bl-ebda mod ma saru kummenti biex issir promozzjoni għaliex dawn il-ġiti qatt ma kienu ġew organizzati.
Il-Bord għadda biex jikkunsidra din l-akkuża u nnota li r-rappreżentanti tal-istazzjon qablu li sar ksur. Il-Bord innota wkoll li dan il-pop-up ħoloq ksur ta’ Art.16K(1)(a) u laqa’ din l-akkuża li ġġorr magħha penali ta’ Euro 2,330 skont Skeda 5 ta’ Kap.350. Din il-penali għandha titħallas sa 60 jum mid-data tad-deċiżjoni.
22 ta’ Jannar 2024
Smigħ 01/2024 Numru 7
Ref: 63/01