Deċiżjoni rigward ilment tal‑ADPD kontra l‑aħbarijiet ta’ ONE dwar nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ konferenza stampa mill‑ADPD dwar il‑qrubija tal‑politiċi man‑negozjanti li saret fl‑1 ta’ April 2023.
F’seduta li nżammet fl‑4 ta’ Mejju 2023, l‑Awtorità semgħet l‑ilment imressaq mill‑ADPD kontra ONE minħabba li ONE naqas li jirrapporta konferenza tal‑aħbarijiet tal‑ADPD li saret fl‑1 ta’ April dwar il‑qrubija tal‑politiċi man‑negozjanti.
Għall‑ADPD dehru ċ‑Chairperson tal‑ADPD il‑Perit Carmel Cacopardo, id‑Deputat Chairperson Sandra Gauci u s‑Segretarju Ġenerali Ralph Cassar. Iżda minkejja li l‑ONE ġew notifikati fis‑27 ta’ April 2023 dawn ma dehrux għas‑seduta u ai termini ta’ Paragrafu 12 (b) tal‑Leġiżlazzjoni Sussidjara 360.06, l‑Awtorità kompliet bis‑smigħ.
Il‑Perit Carmel Cacopardo spjega li l‑ADPD fl‑1 ta’ April kienet għamlet konferenza tal‑aħbarijiet dwar il‑qrubija tal‑politiċi man‑negozjanti u l‑argument politiku kien li dan huwa ta’ ħsara għad‑demokrazija. Qal li f’din il‑konferenza kienet saret referenza għal temi kurrenti li kienu qed jiżviluppaw f’dan ir‑rigward. Qal li l‑istazzjon ONE qed jinħeba taħt l‑argument tal‑valur ta’ aħbar u mhux qed jirrapporta l‑konferenzi tal‑aħbarijiet jew l‑istqarrijiet tal‑ADPD. Il‑Perit Cacopardo qal li din hija ċensura politika min‑naħa tal‑ONE minħabba li dan qatt mhu qed jiġi rrappurtat.
Wara li l‑Awtorità semgħet is‑sottomissjonijiet mill‑ADPD, rat li l‑konferenza tal‑aħbarijiet tal‑ADPD dwar il‑qrubija tal‑politiċi man‑negozjanti fil‑kuntest kurrenti li saret, kellha valur ta’ aħbar. Għaldaqstant l‑Awtorità laqgħet l‑ilment tal‑ADPD iżda ma kienx hemm lok ta’ rimedju.
16 ta’ Mejju 2023