ONE - Aħbarijiet - 21 ta' Jannar 2024




Deċiżjoni għall-ilment imressaq mill-Prof. Kevin Cassar vs ONE News dwar item tal-aħbarijiet imxandra fil-bulettin tal-aħbarijiet tal-21 ta’ Jannar 2024

 

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tal-ilment imressaq mill-Prof. Kevin Cassar kontra ONE News fejn fil-21 ta’ Jannar 2024, hu kkwota silta mill-item in kwistjoni li tgħid li huwa “kien jikteb biex fil-Partit Nazzjonalista jitpoġġa Dr Bernard Grech bħala Kap”. Filwaqt li stqarr li huwa qatt ma kiteb dan il-kliem, talab dritt ta’ risposta u korrezzjoni tal-inkorrettezza li qal li kien hemm fl-item. Huwa temm jitlob li jixxandar hekk: “Kontra dak li xxandar fl-aħbarijiet tal-21 ta’ Jannar, ONE jixtieq jikkoreġi r-rapport. Il-Professur Cassar qatt ma kiteb ‘biex fil-Partit Nazzjonalista jitpoġġa Bernard Grech bħala Kap”. L-istazzjon baqa’ ma weġibx għal dan l-ilment, għaldaqstant il-Prof. Kevin Cassar talab għas-smigħ skont il-proċedura tal-L.S.350.06.

 

Matul is-smigħ tal-14 ta’ Marzu 2024, dehru l-Prof. Kevin Cassar bħala l-persuna li ressqet l-ilment, is-Sur Josef Caruana, editur ta’ ONE u Dr Ramona Attard bħala r-rappreżentant legali ta’ ONE.

 

Il-Prof. Kevin Cassar spjega li fil-bulettin tal-aħbarijiet tal-21 ta’ Jannar 2024 kien hemm rapport dwar kritika fuq il-Gvern Laburista fejn issemma wkoll hu u li r-rappurtaġġ kien jikkontjeni parti li ma kenitx veritiera. Il-Prof. Kevin Cassar spjega kif rapport jista’ jsemmi diversi affarijiet li jkunu veri, biss ma jistax jitqies ħolistikament korrett jekk jinkludi gidba.  Hu spjega li ma kienx minnu li kiteb sabiex Dr Bernard Grech ikun Kap tal-PN kif allegat fis-servizz matul il-bulettin tal-aħbarijiet.

 

Fir-risposta tagħha Dr Ramona Attard qalet li dan kollu jista’ jiġi dedott minn kitba ta’ Prof. Kevin Cassar. Hi ppreżentat numru ta’ artikli mill-ġurnali u siti oħra, miktuba bejn l-2017 u l-2021 u qrat diversi siltiet minn dawn l-artikli in sosten tal-argument tagħha kontra l-ilment.

 

Il-Prof. Kevin Cassar wieġeb li mkien f’dawn l-artikli ma hemm referenzi għall-kummenti lmentati minnu u skont it-traskrizzjoni tal-21 ta’ Jannar 2024. Qal li fl-ebda wieħed mill-artikli preżentati ma kiteb li Dr Bernard Grech għandu jkun Kap. Innota wkoll li l-artikli riferiti nkitbu wara li  Dr Bernard Grech kien diġà sar Kap u mhux qabel.

 

Fil-kumment finali, Dr Ramona Attard qalet li Dr Bernard Grech inħatar Kap tal-Oppożizzjoni fit-3 t’Ottubru 2020 u li awtomatikament, bejn żewġ kontestanti, kritika fuq wieħed tittieħed bħala appoġġ għall-ieħor.

 

Wara li telqu l-partijiet il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir għadda sabiex jevalwa l-fatti mressqa, nkluż id-dokumenti esebiti u t-traskrizzjoni tal-bulettin tal-21 ta’ Jannar 2024.

 

F’wieħed mill-artikli datat 23 ta’ Settembru 2020, cioè ftit ġimgħat qabel il-ħatra ta’ Dr Bernard Grech, il-Prof. Kevin Cassar kiteb hekk fuq newsbook malta:

 

The two men are poles apart. Grech acknowledged his error, sorted it out and expressed regret

kif ukoll:

 

“the time for lies is over” he declared. It will be once the party members have the wisdom to dump him

 

Il-Bord iħoss li filwaqt li l-Prof. Kevin Cassar ma tax l-appoġġ tiegħu għal Dr Bernard Grech b’mod espliċitu, madankollu għamel dan b’mod impliċitu fejn fil-kontestazzjoni bejn żewġ membri hu attakka wieħed mill-kontestanti filwaqt li esprima li hemm baħar jaqsam bejnu u bejn il-kontestant l-ieħor. Għaldaqstant il-Bord iħoss li x-xandira ma kenitx waħda infundata l-għaliex ir-riżultat dirett ta’ kritika negattiva u ċara fuq kontestant ma tħalli ebda dubju tar-riżultat mistenni mill-awtur bejn iż-żewġ kontestanti, speċjalment meta din il-kritika ssir ftit jiem qabel din l-elezzjoni. Għal dawn ir-raġunjiet l-ilment mhux jintlaqa’.

 

 

 

 

19 ta’ Marzu 2024

Smigħ 03/2024 Numru 4

Ref: 3/24