PBS - Aħbarijiet ta' filgħodu fuq TVM




Deċiżjoni għal ilment imressaq mill-Partit Momentum kontra PBS dwar allegat ksur tad-direttiva matul l-aħbarijiet ta’ filgħodu fuq TVM


Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu lment imressaq mill-Partit Momentum kontra PBS dwar ksur tad-direttiva matul l-aħbarijiet ta’ filgħodu fuq TVM li mhux jinkludi lill-Partit Momentum kif jagħmel fir-rigward tal-partiti ewlenin.

Il-Bord laqqa’ seduta ta’ smigħ fit-13 ta’ Mejju biex tisma’ dan l-ilment. Preżenti għas-seduta kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Momentum, is-Sur Mark Camilleri Gambin u r-rappreżentant legali tal-PBS Dr Shaun Zammit, l-editur tal-PBS l-Inġ Charles Dalli u l-Kap tal-Aħbarijiet is-Sur Owen Galea.

Is-Sur Mark Camilleri Gambin qal li l-ilment huwa dwar l-aħbarijiet ta’ filgħodu fuq TVM fejn qatt ma jissemma kontenut relatat mal-Partit Momentum jew partiti terzi, filwaqt li partiti kbar ikunu dejjem irrapurtati.. Qal li l-Partit Momentum ilu jeżisti għall-aħħar sena u li matul elezzjoni huwa iżjed pertinenti li jkun hemm coverage ta’ kull partit. Waqt is-seduta ta’ smigħ qal li anke fl-aħbarijiet ta’ filgħaxija qed ikun hemm il-kontenut tal-partiti l-kbar u dak assoċjat magħhom, aħbarijiet ta’ barra u mbagħad l-istazzjon ixandar dak relatat mal-Partit Momentum saħansitra wara r-reklami. Qal li dan mhux trattament xieraq u anqas bilanċjat.

Għall-PBS, l-Inġ. Charles Dalli wieġeb li trid issir distinzjoni bejn l-ilment miktub u s-sottomissjonijiet bil-fomm u dan peress li l-ilment kif miktub ma jsemmix dak kollu li ntqal mis-Sur Mark Camilleri Gambin.   

Il-Kap tal-Aħbarijiet, is-Sur Owen Galea kompla li l-kontenut ta’ filgħodu jkun normalment jikkonsisti dwar dak li l-partiti jkunu qalu filgħaxija, mentri matul il-bulettin ta’ filgħaxija jiġi rrapurtat dak li seħħ matul il-jum. Qal li meta jkun hemm news value ġdida, tiġi mxandra u li PBS joqgħod lura mir-ripetizzjonijiet tal-aħbarijiet Skont hu, jekk filgħaxija u ċioè fil-ħinijiet ta’ wara t-tmienja ta’ filgħaxija, il-Prim Ministru jkun ħabbar xi ħaġa, din tiġi mxandra filgħodu u filgħaxija jixxandru biss highlights.

Dr Shaun Zammit tenna li ma jarax li hemm problemi b’dan l-għaliex fil-ħin limitat ta’ ħames minuti, b’referenza għall-aħbarijiet ta’ filgħodu, PBS ma jistax jirrapporta dak li ġie rappurtat filgħaxija. Qal li l-għada jiġi mxandar kontenut li ma kienx kopert fil-bulettin innifsu tal-ġurnata ta’ qabel u li ma ssirx repetizzjoni għax ma hemmx il-kumdità ta’ dan. Ikkonkluda billi saħaq fuq il-fatt li l-ilment huwa ġeneriku wisq u ma kienx jikkonsisti fi ksur speċifiku u definit.

Dr Peter Fenech, membru tal-Bord, irrefera għat-8 ta’ Mejju 2026, liema data kienet imniżżla fl-istess ilment miktub u staqsa jekk din hix id-data tal-ksur. Is-Sur Mark Camilleri Gambin ikkonferma d-data imma qal li din hija t-tendenza li qed isir dejjem hekk. Dr Peter Fenech kompla li bħala osservazzjoni ġenerali qed jistaqsi kif il-PBS qatt mhu qed isib qatt news value fir-rigward tal-Partit Momentum biex ikun jista’ jiġu inklużi fl-aħbarijiet ta’ filgħodu. Qal li hu jħoss li filwaqt li l-partiti l-kbar dejjem ikollhom spazju, dan mhux qed jiġri mal-Partit Momentum u staqsa jekk dan hux possibbli.

L-Inġ. Charles Dalli qal li fuq TVM ikun irrappurtat dak li qed jiġri fil-pajjiż u semma diversi programmi fejn il-Partit Momentum jiġi mistieden, nkluż dak li sejjaħ extended news. Qal li s-servizzi tal-aħbarijiet ta’ TVM waqt l-elezzjoni huwa wieħed ugwali f’dak li huwa trattament politiku, filwaqt li l-aħbarijiet tat-8pm jirrapporta biss dak li jkun qed jiġri fl-attività ta’ filgħaxija.  Imbagħad sommarju ta’ dak li intqal jixxandar ukoll fl-aħbarijiet tal-23:00 u fl-aħbarijiet ta’ filgħodu.

Dr Shaun Zammit qal li l-impenn tal-partiti l-kbar qed iwassal għal iżjed stqarrijiet u allura l-istazzjon qed jirċievi sensiela sħiħa ta’ stqarrijiet li jrid ikopri matul ix-xandiriet fil-ħin allokat.

Dr Peter Fenech qal li l-kejl kien li d-dritt tar-rappreżentazzjoni kien dejjem applikat mill-Bord tal-Awtorità tax-Xandir u ċioè li ħadd ma jitħalla barra.

Is-Sur Frans Ghirxi, membru tal-Bord, qal li hu qed jifhem li dak li jiġri filgħaxija u ma jilħaqx jiġi mxandar matul il-bulettin, ikun kopert fl-aħbarijiet ta’ filgħodu. Staqsa jekk il-Partit Momentum qatt bgħatx xi materjal madwar qabel il-bulettin li ma ġietx imxandar matulu jew attivitajiet li saru wara l-bulettin, ċioè t-20:00 li ma ġewx rappurtati filgħodu. Is-Sur Mark Camilleri Gambin qal li ma għandux il-każi kollha iżda kompla li kważi kull waħda li ssir ma tiġix rappurtata.  Ikkonferma li filwaqt li konvint li kellu minn dawk iċ-ċirkustanzi se jibda jinnotifika mill-ewwel meta l-partit ikollu l-attività.

L-Inġ. Charles Dalli qal li l-ilment qed jgħid li mhux l-aħbar ma ġietx irrappurtata fl-aħbarijiet ta’ filgħodu imma għax kien hemm l-aħbarijiet tal-partiti l-kbar u mhux tal-Partit Momentum. Qal li l-prassi tal-istazzjon hija li l-aħbar ma tiġix ripetuta. Is-Sur Mark Camilleri Gambin kkonferma li l-ilment imsejjes fuq fairness fir-rappurtaġġi.

Mistoqsi minn Dr Alessandro Lia, membru tal-Bord, jekk il-Bord għandux jimxi fuq l-ilment kif miktub, is-Sur Mark Camilleri Gambin ikkonferma dan.

Wara li l-partijiet ħallew is-smigħ il-Bord għadda sabiex jiddiskuti s-sottomissjonijiet.

Il-Bord qabel li ma jilqax l-ilment għaliex innota li huwa wieħed wisq ġeneriku u nieqes mid-dettalji vitali bħad-dati u dettalji tal-allegat ksur kif ilmentat.

 

 

 

Smigħ 4_26 Ilment 4

Ref.: 07/26

14 ta’ Mejju 2026