PBS - Big Brother Malta - 2 ta' Frar 2025




Deċiżjoni rigward ilment mis-Sur Mark Amaira datat 3 ta’ Frar 2025 rigward Big Brother Malta li xxandar fit-2 ta’ Frar 2025

 

Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu lment imressaq mis-Sur Mark Amaira fil-konfront ta’ PBS Ltd rigward il-programm Big Brother Malta li xxandar fuq TVM nhar it-2 ta’ Frar 2025.

 

Is-Sur Mark Amaira beda billi nnota li l-Malti miktub u mitħadded mar lura sew mis-snin preċedenti. Qal li l-ilment tiegħu jitratta l-mod sfurzat kif inhu miktub u mħaddem fil-programm Big Brother, ċioè dak li hu sejjaħ bħala Malti manifatturat. Qal li l-mod kif jitkellmu l-preżentaturi joħloq code switching eċċessiv. Spjega li meta lmenta dwar Big Brother, kellu tweġiba mill-Inġ. Charles Dalli li qal li x-xandira hija reality show. Is-Sur Mark Amaira kompla li minkejja li kien hemm bosta nies jidhru fil-programm, kollha kellhom Malti mkisser u żewġ eżempji ta’ kliem li ta s-Sur Amaira kienu  “head of household” u “nominazzjonijiet”.

 

Is-Sur Mark Amaira rrefera wkoll għall-problema ta’ sintassi fejn anqas sentenza ma hi strutturata b’mod tajjeb. U minkejja dan qed jiġu mxandra mill-istazzjon nazzjonali.

 

L-Inġ. Charles Dalli qal li ma fehemx l-ilment x’inhu, bis-Sur Mark Amaira jwieġeb li huwa msejjes fuq 4 aspetti:

 

i. ix-xandar nazzjonali ma għandux konsulent tal-Malti u li din hija evidenti fejn il-preżentaturi ma għandhom ebda taħriġ

ii. ix-xandar nazzjonali qed jippubblika Malti mfarrak

iii. ix-xandar nazzjonali qed iqanżaħ id-djalett fil-programm

iv. il-programm, intrinsikament fih hemm persuni li huma mħallsin bħala residenti u li qed jużaw code switching bl-addoċċ

 

Is-Sur Anton Attard, bħala produttur irreġistra ammissjoni fuq parti mill-ilment dwar żbalji ortografiċi u kkonferma wkoll li dan huwa programm purament kummerċjali.

 

Dr Shawn Zammit, rappreżentant legali ta’ PBS Ltd, wieġeb li reality show hi li tgħaqqad nies mill-faxex tas-soċjetà u li toħroġ minnhom ir-realtajiet li f’dan il-każ huma li huma.

 

F’dan il-punt is-Sur Mark Amaira pprotesta dwar nies imqabbda minn PBS, inkluż professuri, li minkejja l-kwalifiki tagħhom, huma illiterati fil-Malti. Innota wkoll li l-istudenti li jiggradwaw fil-Malti ma jidhru mkien. Insista li l-pubbliku għandu jkun jaf min hu l-konsulent tal-Malti.

 

Meta l-partijiet ħallew is-smigħ, il-Bord għadda sabiex jiddiskuti dan l-ilment.

 

Il-Bord ma jemminx li l-ilment għandu jintlaqa’ peress li ma tressqux biżżejjed provi nkwantu code switching, filwaqt li għal dak li jirrigwardja Malti miktub, dak imxandar kien jikkonsisti fi screenshots meħuda minn pjattaformi soċjali fejn ix-xandar ma għandux kontroll.

Madankollu l-Bord qed ifakkar lix-xandar nazzjonali li skont Para.4(a) tal-L.S.350.10, huwa għandu jgħarraf lill-Awtorità dwar min hu l-konsulent tal-Malti u qed jordna li dan isir fi żmien jumejn mid-data ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll fi żmien jumejn minn meta jiġi mibdul.

 

Il-Bord jagħraf ukoll li hemm metodi legali oħra li persuna tista’ tirrikorri għalihom sabiex issir taf min hu l-konsulent maħtur mix-xandar Nazzjonali, tali metodi ma jinkwadrawx taħt l-Att dwar ix-Xandir.

 

Il-Bord qed jordna x-xandir ta’ dan is-sunt fi żmien jumejn mid-data ta’ din id-deċiżjoni:

 

“Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir ma laqax ilment imressaq mis-Sur Mark Amaira u li nstema’ nhar is-6 ta’ Marzu 2025. Dan l-ilment kien dwar xandira ta’ Big Brother Malta ta’ nhar it-2 ta’ Frar 2025, fejn fost l-oħrajn ilmenta dwar l-użu tal-lingwa Maltija mitkellma u miktuba.”

 

Smigħ 2_25

Ref. 5/25

11 ta’ Marzu 2025