PBS - L-Aħbarijiet - 3 ta' Frar 2025




Deċiżjoni rigward ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd dwar rapport tal-aħbarijiet imxandar waqt il-bulettin tal-aħbarijiet tat-3 ta’ Frar 2025 li kien jitratta l-emendi fil-ligi dwar l-inkjesti maġisterjali

 

Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu lment mill-Partit Nazzjonalista kontra rapport li xxandar fl-aħbarijiet ta’ TVM tat-3 ta’ Frar 2025 li kien jirreferi għall-emendi fil-liġi dwar l-inkjesti maġisterjali.

Preżenti għas-seduta li saret fit-13 ta’ Frar 2025 kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Dr Michael Piccinino li ressaq l-ilment u għall-PBS dehru l-editor in chief l-Inġ Charles Dalli, il-Kap Eżekuttiv tal-PBS, l-Inġ Keith Chetcuti u r-rappreżentant legali Dr Shawn Żammit.  Qabel ma beda s-smigħ ta’ dan l-ilment Dr Peter Fenech ħass li minn jeddu kellu jirrikuża ruħu peress li l-ilment għandu x’jaqsam ma’ materja li dwarha l-Kamra tal-Avukati u li hu huwa President tagħha kienet ħarġet stqarrija dwar is-suġġett.

 Dr Michael Piccinino spjega l-każ u qal li fit-3 ta’ Frar 2025 il-kamra tal-aħbarijiet ta’ PBS Ltd għamlet news item fejn il-Gvern qal li se jkun qed jemenda l-liġi tal-inkjesti maġisterjali. Qal li f’dan ir-rapport ittieħdu l-kummenti ta’ Dr Franco Debono u Dr Michael Sciriha. Qal li dawn it-tnejn imkien ma qablu li persuna trid tmur għand il-pulizija qabel il-maġistrat, ċioè skont l-impressjoni tal-filmat. Qal ukoll li l-liġi hija kontroversja politika u ta’ public policy kurrenti. Qal li l-ilment hu li dan ir-rapport tal-aħbarijiet kellu jkun bilanċjat u li sta għax-xandar li jaċċerta dan. Qal li din it-tema hija ta’ kontroversja politika u waħda ta’ public policy għaliex diversi entitatjiet bħaċ-chamber of SMEs per eżempju tkellmu dwar il-każ. Qal li f’rapport tal-aħbarijiet, li ma jkunx live imma jinħadem minn qabel kien aktar faċli li wieħed jieħu l-miżuri biex jassigura l-bilanċ. Dr Piccinino kompla bil-preżentazzjoni tal-ilment billi qara estratt mit-traskrizzjoni fejn huwa ilmenta li minkejja l-mistoqsijiet il-mistiedna rrispondew diversament u lil ‘hinn mill-istess mistoqsijiet.

Waqt is-smigħ Dr Alessandro Lia qal li kemm Dr Debono kif ukoll Dr Sciriha kienu żewġ avukati rinomati tal-kriminal u għalhekk staqsa liema kellhom ikunu l-avukati l-oħra li mhumiex assoċjati ma’ xi partit politiku u li setgħu jiġu intervistati.

Iżda Dr Michael Piccinino wieġeb li hu mhux ser jindaħal min għandu jiġi mistieden jew intervistat mill-PBS.

Għall-PBS, Dr Shawn Zammit qal li kien hemm diversi kummenti dwar stat ta’ fatt. Semma wkoll li l-Kamra tal-Avukati hija lil ‘hinn mill-Gvern u l-Oppożizzjoni  u li meta qamet kwistjoni relatata magħha ħadd ma qajjem it-tema ta’ bilanċ. Semma wkoll eżempju ta’ Dr Karol Aquilina, li l-opinjoni riċenti tiegħu fil-parlament ġiet imxandra wkoll.  

Dr Michael Piccinino kkumenta li l-Kamra tal-Avukati hija istituzzjoni u li Dr Karol Aquilina huwa rappreżentat elett mill-Poplu. Qal li t-tnejn li huma hemm obbligu fuq ix-xandar li tixxandar l-opinjoni tagħhom. Madankollu tenna li Dr Michael Sciriha u Dr Franco Debono huma avukati tal-għażla tax-xandar u li dawn isservew biex tissaħħah il-pożizzjoni tal-Gvern. Qal li f’dan il-każ ix-xandar kellu għażla li dwarha xi ħadd mill-PBS ħa deċiżjoni konxja u stieden lil dawn iż-żewġ avukati. Qal ukoll li r-reġistrazzjoni tal-kummenti ġiet editjata u aċċettata.  

Għan-naħa tal-PBS, Dr Shawn Zammit wieġeb li l-opinjonijiet kienu indipendenti u imparzjali u li meta espert teħodlu opinjoni, wieħed ma jistax jikkonkludi li jekk ma taqbilx mal-aġenda ta’ partit, allura qed tappoġja dik ta’ partit ieħor. Kompla li l-veduti huma distinti: bejn opinjoni professjonali u dik politika.  

Wara li l-Bord sema’ s-sottomissjonijiet u ra d-dokumenti relatati, il-Bord iddiskuta dan l-ilment u dak li ġie ppreżentat.  Il-Bord ħass li filwaqt li din it-tema kienet tema kurrenti, l-opinjonijiet li ttieħdu u li ġew irrapurtati fir-rapport tal-aħbarijiet tat-3 ta’ Frar 2025 kienu opinjonijiet legali u tekniċi u professjonali u bl-ebda mod ma trattaw opinjonijiet politiċi. Għaldaqstant il-Bord iħoss li l-ilment m’għandux jissussisti u ġie miċħud.

Il-Bord qed jistieden lil PBS sabiex jirraporta sunt minn din id-deċiżjoni.

 

 

 

 

Smigħ 1_25

Ref.: 5/25

26 ta’ Frar 2025