Deċiżjoni rigward ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd dwar il-programm Popolin tat-22 ta’ Jannar 2025
Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista fil-konfront ta’ PBS Ltd rigward il-programm Popolin li xxandar fuq TVM fit-22 ta’ Jannar 2025, liema programm kien hemm mistiedna il-Ministru Jo Etienne Abela u l-President tal-MAM, Dr Martin Balzan.
Dan l-ilment tressaq f’seduta li saret fit-13 ta’ Frar 2025 u preżenti għas-smigħ kien hemm Dr Michael Piccinino, Segretarju Ġenerali tal-PN u għall-PBS Ltd dehru l-editor in chief, l-Inġ Charles Dalli, il-Kap Eżekuttiv, l-Inġ Keith Chetcuti u r-rappreżentant legali tal-PBS, Dr Shawn Żammit.
Waqt is-seduta Dr Michael Piccinino beda billi spjega li f’Lulju 2024 kien hawn kontroversja dwar tender tal-Gvern fuq servizzi tal-emerġenza medika offruti mill-isptarijiet privati. Il-Partit Nazzjonalista kien sussegwentement ħareġ tliet stqarrijiet li jitkellmu dwar din it-tema. Qal li din il-problema kompliet teskala fix-xhur ta’ wara. Dr Piccinino rrefera għall-programm Popolin tat-22 ta’ Jannar 2025 u semma li l-kummenti inizjali tal-Ministru Jo Etienne Abela kienu li l-Ministru stess ħassu skomdu li fid-dibattitu ma kienx hemm il-kelliem tal-Oppożizzjoni u qal li kien lest li jiddibatti miegħu dwar il-qagħda tas-saħħa f’pajjiżna. Dr Piccinino kompla li l-Ministru lanqas kien qed iwieġeb lill-MAM fil-kummenti tiegħu.
Għall-PBS l-Inġ Dalli qal li anke l-ilment innifsu huwa ambjentat b’mod selettiv għaliex il-programm kien qed jitratta tilwima industrijali, u għalhekk kienu mistiedna l-protagonisti tat-tilwima, punt li stqarr ukoll il-preżentatur fil-programm.
Dr Shawn Zammit qal li meta wieħed janalizza l-programm, tul id-dibattitu kollu baqgħu jiġu indirizzati t-tilwimiet bejn il-partijiet mistiedna; il-MAM li qed jirrapreżentaw lit-tobba u l-Ministru li qed jippreżenta l-Gvern. Qal li dan huwa l-perm ta’ kollox u li fit-totalità d-diskursata kienet fuq in-nuqqas ta’ qbil.
Wara li l-partijiet ħallew is-seduta, il-Bord ra d-dokumentazzjoni u l-filmati relattivi u ddiskuta l-punti ta’ dan l-ilment. Filwaqt li huwa minnu li fil-programm Popolin tat-22 ta’ Jannar, iż-żewġ mistiedna fl-ewwel parti tal-programm kienu l-Ministru Jo Etienne Abela u l-President tal-MAM Dr Martin Balzan, iżda l-format kien iktar ta’ mistoqsija u tweġiba milli ta’ dibattitu. Il-Bord innota wkoll li saħansitra l-Ministru Jo Etienne Abela stess qal li mhux ser jitkellem bħala politiku u li l-Ministru qal li m’għandux oġġezzjoni li jiddibatti miegħu. Fil-kuntest ta’ dan kollu, anke jekk is-suġġett huwa wieħed kurrenti, iżda kien jitratta tilwima industrijali, u għalhekk il-partijiet ġustament kienu l-Gvern u r-rappreżentanti tat-tobba u infermiera. Fid-dawl ta’ dan, l-ilment ma ġiex milqugħ.
Il-Bord qed jistieden lil PBS sabiex jirraporta sunt minn din id-deċiżjoni.
Smigħ 1_25
Ref.: 2/25
26 ta’ Frar 2025