Deċiżjoni rigward ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd rigward il-programm Popolin tas-6 ta’ Frar 2025 li tratta l-emendi il-ligi rigward inkjesti maġisterjali
Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu lment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd rigward il-programm Popolin tas-6 ta’ Frar 2025.
Preżenti għas-seduta li saret fit-13 ta’ Frar 2025 kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Dr Michael Piccinino li ressaq l-ilment u għall-PBS dehru l-editor in chief l-Inġ Charles Dalli, il-Kap Eżekuttiv tal-PBS, l-Inġ Keith Chetcuti u r-rappreżentant legali Dr Shawn Żammit. Qabel ma beda s-smigħ ta’ dan l-ilment Dr Peter Fenech ħass li minn jeddu kellu jirrikuża ruħu peress li l-ilment għandu x’jaqsam ma’ materja li dwar l-Kamra tal-Avukati u li hu huwa President tagħha kienet ħarġet stqarrija dwar is-suġġett.
Għall-Partit Nazzjonalista, Dr Michael Piccinino spjega li wara li kien hemm il-bulettin tal-aħbarijiet fit-3 ta’ Frar 2025, il-PBS pproduċa l-programm Popolin fejn matulu kien hemm l-avukati Dr Michael Sciriha, Dr Franco Debono u Dr Anna Mallia. Qal li fil-verità Dr Debono u Dr Sciriha fetħu iżjed fuq dak li kienu qalu fit-3 ta’ Frar 2025 mentri Dr Anna Mallia daħlet fid-dettall dwar il-kwistjoni hux tajjeb jew ħażin jekk persuna tmur direttament għand il-maġistrat jew tmurx qabel għand il-pulizija. Qal li Dr Anna Mallia fil-passat ddikjarat ruħha Laburista sal-mewt, mentri Dr Franco Debono u Dr Michael Sciriha huma tnejn mill-iżjed avukati użati fis-settur. Stqarr li Dr Anna Mallia, mhijiex l-avukat li tiġik f’moħħok fis-settur tal-kriminal. Innota wkoll li Dr Anna Mallia kemm-il darba tiddefendi l-pożizzjoni tal-Gvern fi programmi oħra u huwa għalhekk li t-tielet espert li jinġieb fil-programm ikun wieħed li jibbilanċja mhux li jiżbilanċja iżjed.
Għall-PBS Dr Shawn Zammit wieġeb li l-programm in kwistjoni kien wieħed tekniku u legali u daħal fuq l-emendi li saru fejn spjega l-proċess kif isir. Saħaq li programm politiku li pproduċa l-PBS fuq din il-materja kien il-programm Insights fejn ġew mistiedna Dr Jonathan Attard u Dr Karol Aquilina sabiex jiddiskutu l-emendi dwar l-istess suġġett, ċioè l-inkjesti maġisterjali. Qal li wieħed ma jistax iqabbel iż-żewġ programmi l-għaliex mentri wieħed kien qed ifisser il-mod legali tal-emendi, l-ieħor kien purament politiku.
Fid-dawl ta’ dan, Dr Michael Piccinino stieden lill-Bord jisma’ kumment tal-Avukat Anna Mallia matul il-programm Poplin tas-6 ta’ Frar 2025 sabiex jevalwa l-kummenti tagħha jammontawx għal opinjoni legali jew opinjoni politika.
Wara li l-partijiet telqu mis-seduta, l-Bord evalwa dak li intqal u ra d-dokumenti relatati mal-ilment. Il-Bord ħass li dan kien każ simili għal dak li intqal fir-rigward tal-ilment li tratta r-rapport tal-aħbarijiet dwar l-emendi fil-liġi dwar l-inkjesta maġisterjali. Il-Bord qal li dawn kienu argumenti tekniċi u legali u għaldaqstant ma kinux qed jitrattaw aspetti ta’ bilanċ minħabba li l-mistiedna ffukaw fuq aspetti professjonali legali u mhux politiċi. Għaldaqstant il-Bord ħass li l-ilment ma jissussistix ma kellux jintlaqa’.
Il-Bord qed jidderieġi lil PBS sabiex jinqara sunt minn din id-deċiżjoni.
Smigħ 1_25
Ref.: 6/25
26 ta’ Frar 2025