PBS - Promozzjoni Bajd u Bejken - 30 ta' Jannar 2025




Deċiżjoni rigward ilment mis-Sur Mark Amaira datat 30 ta’ Jannar 2025 rigward promozzjoni tal-poddata Bajd u Bejken waqt programm fuq TVM

 

Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu lment imressaq mis-Sur Mark Amaira nhar it-30 ta’ Jannar 2025 fil-konfront ta’ PBS Ltd rigward promozzjoni imxandra fuq TVM dwar poddata bl-isem Bajd u Bejken.

 

Is-Sur Mark Amaira spjega li meta persuna, anke meta taħdem għal fondazzjoni li topera b’xejn, titlob promozzjoni ta’ xi avveniment, l-istazzjon dejjem jistenna ħlas. Ilmenta li l-PBS qabad drawwa fejn kull tip ta’ influwenzatur minn sistemi jew pjattaformi oħra online, fejn irrikonoxxa li dawn m’humiex suġġett ta’ regolamenti taħt Kap.350. Qal li meta xi ħadd isemmi li hu rappreżentant ta’ kumpanija, dan jiġi mwaqqaf filwaqt li meta mistieden jagħmel reklam lilu nnifsu, anke fi programm “nittien”, dan ma jkunx il-każ. Saħaq ukoll li meta persuna tisma’ b’Bajd u Bejken, din taf tfittex dwar dan fuq siti online, nkluż il-minuri. Hu lmenta wkoll dwar l-użu ta’ dak li hu sejjaħ URLs (hyperlink / ħoloq) li jwasslu għal dawn il-produzzjonijiet fuq pjattaformi oħra. Ikkonkluda li l-istazzjon nazzjonali ma għandux ikun pjattaforma ta’ dawn it-tip ta’ xandir u promozzjonijiet. Is-Sur Amaira waqt is-sottomissjonijiet tiegħu lmenta li l-istazzjon ma weġibx fi żmien tlett ijiem għall-ilment tiegħu.

 

L-Inġ. Charles Dalli nnega li PBS ippreżenta ħolqa (hyperlink/URL) u qal li għax jissemma persuna ma jfissirx li l-istazzjon ta ħolqa. Qal ukoll li ma kien hemm ebda reklam jew referenza għall-kontenut tal-poddata waqt ix-xandira inkwistjoni.

 

Is-Sur Mark Amaira rribatta li dan kollu huwa indifensibbli u li huwa insult li PBS ixandar ħoloq u riferenzi bħal dawn. Semma li f’każijiet oħra, meta jkollok flokk jew flixkun b’reklam, ix-xandar jitlob li dawn jiġu mneħħija. Għalhekk meta xi ħadd jgħid li hu ġej minn Bajd u Bejken, il-PBS ikun tah reklam u dan bla avviż li qed isir reklam kummerċjali. Kompla li meta l-istazzjon isemmi ditta jew produzzjoni fuq pjattaformi oħra, dan huwa reklam avolja ma jidher xejn viżwalment. Is-Sur Amaira żied ukoll li l-fatt li xxandar dan il-kontenut promozzjonali jmur ukoll kontra l-provvedimenti li jirregolaw il-watershed.

 

L-Avukat Shawn Zammit wieġeb li rrelevanti għal min kien mistieden, hux avukat, għalliem, tabib jew hu min hu, meta l-mistieden jirreferi għal xiex inhu magħruf, ma jkunx għamel reklam b’daqshekk.

 

Il-Bord għadda sabiex jiddiskuti l-ilment malli l-partijiet ħallew is-smigħ.

 

Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir qies lil-prodott inkwistjoni u  li filwaqt jinnota li l-prodott mhux kummerċjali, xorta waħda jammonta għal reklam u li dan iqanqal interess sabiex wieħed ifittex iżjed dwar dak imsemmi. Għal dawn ir-raġunijiet il-Bord qed jilqa’ dan l-ilment u jordna x-xandir ta’ dan is-sunt fi żmien jumejn mid-data ta’ din id-deċiżjoni:

 

 

“Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir laqa’ in parti lment imressaq mis-Sur Mark Amaira kontra PBS Ltd dwar xandira tat-30 ta’ Jannar 2025 in konnessjoni mal-kollegamenti tal-Eurovision – Together4Music - fejn saret referenza pubbliċitarja jew ta’ promozzjoni matul l-istess xandira. Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir qies li l-qari ta’ dan is-sunt huwa mistenni mill-PBS bħala rimedju”.

 

 

Smigħ 2_25

Ref.:4/25

11 ta’ Marzu 2025