PBS - Spots relatati mal-baġit 2025 - 30 ta' Ottubru 2024




Akkuża kontra PBS Ltd datata 31 t’Ottubru 2024 rigward trasmissjoni tat-30 t’Ottubru 2024 meta ntwerew spots relatati mal-baġit 2025

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża kontra PBS li tirreferi għat-trasmissjoni tat-30 ta’ Ottubru 2024, fejn ixxandru spots mingħajr l-approvazzjoni tal-Awtorità u dan minkejja l-ħruġ tad-Direttiva. Dawn l-ispots ixxandru fuq TVM qabel l-aħbarijiet tat-20:00 u fid-21:00 qabel il-programm Popolin. Dan seħħ bi ksur ta’ Artiklu 15 ta’ Kap.350.

Il-Bord ħa nota tal-fatt li l-PBS ma dehrux biex jikkontestaw din l-akkuża minkejja li kien skada l-ħin tas-smigħ (15:49). Għaldaqstant il-Bord aġġorna għad-deċiżjoni.

Wara li l-Kap Eżekuttiv allargat mis-seduta, l-Bord għadda sabiex jiddeċiedi l-akkuża.

Il-Bord ħa konjizzjoni tal-akkuża appuntata għal-llum, ħa konjizzjoni tad-digriet tiegħu tallum stess wara talba għal differiment tax-xandar PBS Ltd għal dan is-smigħ. Din it- talba ġiet miċħuda. Wara li sema’ lill-Kap Eżekuttiv fuq l-akkuża, ra li PBS ma dehritx sabiex tiddefendi l-akkuża fil-konfront tagħha. Il-Bord iddeċieda li l-akkuża ġiet approvata u mmultat lil PBS is-somma ta’ Euro 4,660 skont Skeda ta’ Kap.350 entro xahar mid-data ta’ din id-deċiżjoni.

Il-Bord tal-Awtorità ordna li a tenur ta’ Artiklu 41(7) ta’ Kap.350 irid jixxandar ukoll dan is-sunt fil-bulettin tal-aħbarijiet tat-20:00 ta’ jum wara din id-deċiżjoni.

“Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir sab lil Public Broadcasting Services Limited responsabbli għal ksur tad-Direttiva maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir fit-30 t’Ottubru 2024, wara li xandar spots relatati mal-baġit qabel ma ressaq l-istess għall-approvazzjoni tal-Awtorità tax-Xandir. Għalhekk il-PBS ġie mmultat is-somma ta’ Euro 4,660 għal dan il-ksur, liema ammont irid jitħallas fi żmien xahar”.

 

 

7 ta’ Novembru 2024

Ref.: 65/01

Smigħ 14_24

Numru 7