PR Archive 2018





Stqarrija għall-Istampa
Data: 7 ta’ Frar 2018
PR 01/18


Għajnuna mill-Awtorità għax-xandara

Għal sena oħra l-Awtorità tax-Xandir qed tissussidja erba’ xandara għall-kors ta’ Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti. Il-kors huwa organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Malti u l-Università ta’ Malta. L-Awtorità għandha rwol importanti anke fil-qasam ta’ taħriġ għax-xandara u f’dan il-każ tgħin biex ikun hemm titjib fl-użu tal-ilsien Malti fix-xandir.


Dan il-kors ta’ sena jgħin lix-xandara partikolarment fit-tħaddim tal-kitba tal-ilsien Malti u għalhekk iservi biex il-lingwa miktuba fix-xandir titjieb u tkun ta’ livell hekk kif inhija mixtieqa wkoll mit-telespettaturi. Għal din is-sena l-erba’ parteċipanti huma Neil Azzopardi Ferriggi (ONE), Jean Claude Micallef (PBS Ltd.), Norman Vella (Media.link) u Renato Vella (ONE). L-Awtorità hija fiduċjuża li dawn ix-xandara u ġurnalisti, filwaqt li jtejbu l-ħiliet tagħhom fl-użu tal-ilsien Malti, jikkontribwixxu wkoll biex iservu ta’ mudell, gwida u għajnuna għall-kollegi tagħhom fuq il-post tax-xogħol f’dak li għandu x’jaqsam l-ilsien Malti.


Din is-sena l-Awtorità se tkompli b’aktar inizjattivi biex tħarreġ lix-xandara, ġurnalisti u produtturi fil-ħiliet tat-tħaddim tal-Malti. L-Awtorità qed taħdem fuq proġett mal-Kunsill tal-Malti għal taħriġ fuq is-sintassi u d-dizzjoni. Il-kors ikun miftuħ għall-istazzjonijiet kollha tat-televiżjoni u r-radju u wkoll produtturi indipendenti tal-programmi. Dan ikun kors ta’ taħriġ għal numru limitat ta’ parteċipanti u għal perjodu qasir ta’ żmien bil-għan li jkun aktar aċċessibbli għax-xandara, produtturi u ġurnalisti.

7 ta’ Frar 2018