RTK 103 - It-tieni dritt ta' risposta - 18 ta' Mejju 2024




Deċiżjoni għall-ilment imressaq mill-Partit Imperium Europa kontra RTK 103  minħabba t-tieni dritt ta’ risposta mibgħut nhar l-4 ta’ Ġunju 2024 għall-programm datat 18 ta’ Mejju 2024

 

Il-Bord stieden lill-partit lanjant Imperium Europa sabiex jattendi għas-smigħ li talab fil-konfront tal-istazzjon RTK103. Il-partit lanjant ilmenta li filwaqt li l-Bord kien diġà ddeċieda dwar l-ewwel risposta mibgħuta lill-istazzjon, fejn iddeċieda li r-risposta ma kenitx tindirizza l-kummenti magħmula mill-preżentatur matul il-programm ta’ nhar it-18 ta’ Mejju 2024, kien madankollu bagħat it-tieni risposta nhar l-4 ta’ Ġunju 2024, li skont hu tindirizza dawn il-kummenti.

Għal RTK103 dehru s-Sur Kevin Papagiorcopulo, editur, flimkien mas-Sinjura Amanda Ciappara u l-preżentatur il-Prof. Andrew Azzopardi, assistiti mill-avukat Dr Maurice Meli.  Għal Imperium Europa deher is-Sur Charles Sammut, teżorier.

Dr Maurice Meli f’isem is-soċjetà Beacon Media Group Ltd preliminarjament eċċepixxa u għamel talba sabiex jiġi sostitwit u/jew jirrikuża ruħu Dr Adriano Spiteri bħala Segretarju tal-Bord u dan għal raġunjiet illi se jiġu spjegati iktar fid-dettall aktar tard f’din is-seduta. Għaldaqstant qal li qabel ma jsiru s-sottomissjonijiet u t-talba formali tas-soċjetà Beacon Media Group Ltd għal dan il-għan, l-istess soċjetà qiegħda formalment titlob sabiex tiġi awtorizzata tippreżenta evidenza u iktar minn hekk sabiex jixhed Dr Adriano Spiteri nnifsu.

Il-partijiet, inkluż is-segretarju Dr Adriano Spiteri, irtiraw mis-seduta.

Il-Bord awtorizza lil Beacon Media Group Ltd jagħmel id-domandi lil Dr Adriano Spiteri.

Dr Maurice Meli tella bħala xhud u staqsa mistoqsijiet lis-segretarju Dr Adriano Spiteri. Dr Maurice Meli talbu jikkonferma jekk firma fuq dokument finanzjarju datat 2020 kenitx tiegħu, kif ukoll biex isemmi lin-nies li jidhru fir-ritratt tal-artiklu ppublikat fuq il-Malta Today ta’ nhar l-4 ta’ Settembru 2014. Is-Segretarju wieġeb għal dawn il-mistoqsijiet u qal li f’dak iż-żmien hu kien tassew membru fil-partit imsemmi. Dwar l-artikolu ta’ Malta Today qal li dan inkiteb 10 snin qabel, semma li hu kien informa lil Malta Today li l-kontenut tal-artikolu ma kienx veritier, l-għaliex hu qatt ma organizza protesti u li dak il-protest imsemmi ma kienx wieħed ta’ Imperium Europa. Semma wkoll li n-nies fir-ritratt kienu s-Sur Norman Lowell, is-Sinjura Arlette Baldacchino u s-Sur Antoine Galea, kontestanti ta’ Imperium Europa fl-elezzjoni tal-2014.  

Wara d-desposizzjoni tas-segretarju Dr Adriano Spiteri, Dr Maurice Meli vverbalizza kif ġej:

“Fuq ammissjoni ta’ Dr Adriano Spiteri kkonferma illi fil-passat kien mhux biss segwaċi tal-Partit lanjant iżda saħansitra esponent ewlieni tal-istess. Ikkonferma wkoll illi bħala esponent ewlieni iffirma dokumenti kif del resto kellu dritt li jagħmel dak iż-żmien, tal-istess partit lanjant. Għaldaqstant hawnhekk ma aħniex nitkellmu sempliċiment fuq ‘partitarju’ jew ‘segwaċi’ tal-partit Imperium Europa iżda kien ħolqa ntegrali fit-tmexxija u l-organizzazzjoni tal-partit Imperium Europa. Dr Spiteri kkonferma wkoll li fost l-irwoli tiegħu bħala segretarju ta’ dan il-Bord huwa għandu l-inkarigu illi jagħmel sommarju ta’ dak li qiegħed jingħad u sottomess waqt is-smigħ. Illi di natura dan l-eżerċizzju jinvolvi il-ħsieb kritiku ta’ min qed jagħmel dak is-sommarju liema sommarju qed jiżen dak li qed jingħad u jikkonċentrah għal dawk l-elementi illi huwa “is-segretarju tal-Bord” jaħseb bil-ħsieb kritiku tiegħu illi huwa ta’ mportanza u ta’ rilevanza għall-każ de quo. Illi b’kuntrast għas-sottomissjonijiet illi jgħidu illi dan is-sunt kritiku jgħaddi mill-għarbiel tal-Bord għalhekk kwalunkwe ksur potenzjali tad-dritt tas-smigħ xieraq huwa hekk evitat, is-soċjeta’ Beacon Media Group Ltd tissottometti assolutament li ma taqbel xejn ma’ dan ir-raġunament. Illi l-fatt dan is-sunt jgħaddi taħt l-għarbiel tal-membri tal-Bord, f’dak il-mument ikun diġà tard wisq. Kwalunkwe dannu potenzjali li seta’ jkun hemm ħa jsir qabel dak il-mument. Għaldaqstant huwa faċli illi żball fl-aħjar ipotesi u ommissjoni appożita fl-ipoteżi tgħaddi mingħajr il-Bord qas ikun jaf bih. Illi b’żieda ma’ dan wieħed ma jridx jinsa illi l-ġustizzja mhux trid issir iżda trid tidher ukoll li ssir f’għajejh kemm il-lanjant kif ukoll min qed jirrispondi għall-istess lanjanza illi b’kull dovut rispett s-soċjeta’ Beacon Media Group Ltd f’din is-sitwazzjoni anke jekk il-ġustizzja ssir qatt ma jista’ jkollha l-konviċiment morali u ċ-ċertezza ai termini ta’ dak dettat mil-liġi, li l-ġustizzja għandha wkoll tidher li qed issir. Għaldaqstant tenut kont ta’ dan li għadu kif ġie sottomess imqabbel max-xhieda ċara ta’ Dr Adriano Spiteri ikun għalhekk idoneju għal dan il-każ partikolari dejjem sabiex il-ġustizzja mhux biss issir iżda tidher li qed issir, illi Dr Adriano Spiteri jew jiġi sostitut jew jirrikuża ruħu għal dan l-ilment partikolari. Fil-każ illi din it-talba ma tiġix milqugħa, s-soċjeta’ Beacon Media Group Ltd minn issa tirriserva li tieħu l-passi opportuni li hija tqis fiċ-ċirkustanzi”.

Il-partijiet, inkluż is-segretarju Dr Adriano Spiteri, reġgħu ħallew is-seduta.

Hekk kif il-Bord sejjaħ lura s-seduta, il-Bord iddeċieda kif ġej:

“Il-Bord sema’ l-eċċezzjoni preliminari għar-rikuża tas-Segretarju tal-Bord Dr. Adriano Spiteri. Sema lill-istess Dr. Adriano Spiteri in eżami. Sema is-sottomissjonijiet imressqa mill-istazzjon dwar l-istess. Il-Bord, in vista tal-fatt li l-istess Dr Adriano Spiteri mhuwiex membru bil-vot tal-Awtorità u ma jipparteċipax fid-deċiżjonijiet tal-Awtorità, kif ukoll in vista tal-fatt li l-Awtorita tesprimi lilha nnifisha minnufih u mhux wara l-qari tal-minuti, jiċħad it-talba ta’ Beacon Media Group Ltd għar-rikuża/jew sostituzzjoni tas-segretarju tal-Bord. Il-Bord qed jordna l-prosegwiment tas-smigħ.”

Is-Sur Charles Sammut qal li fid-deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2024, l-Awtorità ddeċidiet li ma tilqax id-dritt ta’ risposta u għalhekk intbagħtet risposta oħra. Din ir-risposta ġiet esebita u konfermata mir-rappreżentanti tal-istazzjon.

Dr Maurice Meli staqsa lill-lanjant jekk dan id-dritt kien relatat mal-programm ta’ Andrew Azzopardi tat-18 ta’ Mejju 2024, bis-Sur Charles Sammut jikkonferma.

Dr Maurice Meli staqsa jekk kienx hemm diġa’ seduta qabel u kienx hemm deċiżjoni datata 18 ta’ Mejju 2024. Is-Sur Charles Sammut ikkonferma t-tnejn li huma.

F’dan il-mument ġie mistieden minn Beacon Media Group Ltd is-Sur Peppi Azzopari bħala xhud peress li kien il-parteċipant fil-programm Andrew Azzopardi on RTK103 tat-18 ta’ Mejju 2024. F’dan l-istadju l-istazzjon preżenta filmat li xxandar seduta stante u li permezz tiegħu l-istazzjon ried jagħmel paragun ma’ dak li kien qed jiġi mitlub mill-partit lanjant.

Dr Maurice Meli għamel referenza għat-traskrizzjoni ta’ dak li ntqal mis-Sur Peppi Azzopardi waqt il-programm lanjat u staqsih sabiex jispjega dwar x’hiex kien qed jitkellem. Is-Sur Peppi Azzopardi wieġeb li ma kienx mistieden biex jitkellem dwar is-Sur Norman Lowell iżda dwar affarijiet oħra nkluż survey li tindika li hemm xi nies li mhux se jivvutaw, u li sejrin issa jivvutaw lil Norman Lowell. Qal li jekk wieħed jivvota lis-Sur Norman Lowell qed jaqbel li dawk li se jkollhom overdose għandhom jitħallew mal-art.

Xehed ukoll is-Sur Kevin Papagiorcopulo bħala Editur. Dr Maurice Meli staqsih x’jaħseb dwar it-tieni dritt ta’ risposta. Is-Sur Kevin Papagiorcopulo spjega li din diġà kienet diskussa u deċiżjoni għaliha ngħatat fil-31 ta’ Mejju 2024 (Ref.: 33/24). Qal li dak li qal il-mistieden kien fattwali u li dak li kellu jikkunsidra sabiex jaderixxi mal-liġi huwa kien għamlu.

Mistoqsi minn Dr Maurice Meli dwar x’jaħseb dwar it-tieni risposta Dr Kevin Papagiorcopulo wieġeb li ma jaħsibx li hemm dritt skont il-liġi.

Is-Sur Charles Sammut wieġeb li s-Sur Norman Lowell mhux dejjem jispjega ruħu sew u li dak li bagħat il-partit kien infatti osservazzjonijiet dwar il-kummenti li saru mis-Sur Peppi Azzopardi matul il-programm.

Dr Maurice Meli spejga li b’mod preliminari qed teċċepixxi ir-res judicata u għamel referenza għad-dritt ta’ risposta preżentata nhar l-4 ta’ Ġunju 2024 liema punt għamel referenza għal dak diġa’ deċiż mill-istess Bord fil-31 ta’ Mejju 2024. Għamel referenza għall-kawża fl-ismijiet Vito Domenico Bendvenca vs Direttur Ġenerali Veterinary and Animal Welfare tal-25 ta’ Novembru 2014 deċiża mill-Imħallef J.R. Micallef u Michael Chetcuti vs Miller Distributions Ltd and Victor Chetcuti deċiża mill-Qorti tal-Appell fl-1 ta’ Awwissu 2023, għall-kawża Raba Construction Ltd vs Cutajar Construction Ltd, kif ukoll għall-kawża Dr Jose Herrera noe vs Anthony Cassar et noe tal-2022. Qal li dawn il-kawżi kollha jgħidu li meta kawża titratta l-istess suġġett, l-istess partijiet kif ukoll l-istess disputa, (aedem res/personae/causa petendi), dawn huma elementi fundamentali ta’ res judicata. Għalhekk, hekk kif konfermat mis-Sur Charles Sammut, qal li qed issir referenza għall-istess lanjanza, bejn l-istess partijiiet u fuq l-istess suġġett. Qal li dwar dan diġa’ kien hemm deċiżjoni. Qal ukoll li l-partit kien imissu ssottometta r-risposta li ħaseb li hi tajba fil-bidu għax il-kunċett ta’ dritt ta’ risposta mhux wieħed li jtik l-okkażżjoni sakemm iġġibha tajba. Mingħajr preġudizzju għal dak hu ssottometta illi dak kollu li ntqal mis-Sur Peppi Azzopardi matul il-programm tal-Prof. Andrew Azzopardi, la kien kummentarju u lanqas opinjoni. Tant li d-dritt ta’ risposta qed tindirizza l-punti fattwali u mhux kontestati li ntqalu minn mistieden dwar is-Sur Norman Lowell. Għamel paragun fejn mistieden qal li s-sema blu u xi ħadd irrreġistra risposta fejn is-sema mhix blu.  Qal li s-soċjeta’ Beacon Media Group Ltd temmen bis-saħħa illi dan l-ilment għandu jiġi miċħud u li fin-nuqqas se jinħoloq preċedent ikrah li l-leġislatur żgur ma kienx qed jaħseb f’dan. Qal li dan l-ilment għandu jiġi miċħud in toto.

Is-Sur Charles Sammut ikkumenta li l-ewwel risposta ġiet ikkunsidrata bħala mhix konformi mal-liġi. Qal li r-risposta li ntbgħatet qed tirrispondi għal dak li kien intqal.

Dr Peter Fenech, membru tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir, staqsa lis-Sur Charles Sammut jekk il-qofol tal-kwistjoni hix pożizzjoni dwar il-partit. Is-Sur Charles Sammut qal li s-Sur Norman Lowell semma li min huwa b’overdose għandu jitħalla fit-triq u mhux jitħalla jmut kif qal is-Sur Peppi Azzopardi.

Dr Peter Fenech reġa’ staqsa jekk l-ilmentatur hux jgħid li s-Sur Peppi Azzopardi kien qed jikkumenta dwar is-Sur Norman Lowell jew dwar il-partit Imperium Europa. Is-Sur Charles Sammut wieġeb li s-Sur Norman Lowell huwa kandidat u fundatur tal-partit Imperium Europa.

Meta l-partijiet telqu mis-seduta, l-Bord iddiskuta dan l-ilment.

Il-Bord għadda sabiex janalizza t-tieni risposta mibgħuta minn Imperium Europa. Il-Bord jinnota li dan id-dritt ta’ risposta jikkonsisti billi wieħed jikkoreġi, jikkjarifika jew jikkontradixxi dak li qalet persuna oħra.

Il-Bord għadda sabiex jikkunsidra l-eċċezzjoni tar-res judicata. Wara li sema s-sottomissjonijiet taż-żewġ partitjiet il-Bord jiddikjara illi minkejja li f’kontenut tar-risposta proposta mill-lanjant tirreferi għall-istess programm li dwaru diġà kien hemm talba għal dritt ta’ risposta liema lment ġie miċħud mill-awtorità fil-31 ta’Mejju 2024, il-Bord jagħraf li l-kontenut tar-risposta proposta huwa ġdid u dwaru l-Bord m’esprimiex ruħu. Konsegwentement jiċħad l-eċċezzjoni tar-res judicata.

Il-Bord għadda sabiex jikkunsidra l-ilment fil-mertu u kkunsidra s-sottomissjonijiet imressqa, reġa’ ra r-risposta mibgħuta mill-ilmentatur jiddikjara li l-kontenut tar-risposta ma jindirizza l-ebda lment u fih biss spjegazzjoni ta’ policy meta l-kummenti mill-opinjonista fil-programm ma kienux qed jirribattu l-policy tal-partit Imperium Europa iżda kienu kritika tal-kummenti li esprima l-partit, liema kummenti l-istazzjon ġab prova dwarhom. Għalhekk il-Bord mhuwiex qed jilqa’ l-ilment għar-raġunijiet hawn fuq spjegati.

Il-Bord jagħmel ukoll referenza għal diversi kummenti li għadda l-istazzjon dwar id-drittijiet tiegħu u r-riservi ta’ passi ulterjuri fil-konfront tal-Awtorità. Il-Bord jagħraf li dawn il-kummenti bl-edba mod m’huma se jinfluwenzaw lill-Awtorità fir-responsabbiltajiet li għandha fejn dejjem iddeċidiet skont dak li tqis korrett entro l-parametri tal-liġi li hi tosserva.

 

 

6 ta’ Ġunju 2024

Smigħ 09/2024 Numru 1

Ref: 33/24