Stqarrija - Right of Reply (10/03/2012)




Is-Sur Nathaniel Attard
Head NET News
Media.Link Communications Co. Ltd.
Dar Ċentrali
Herbert Ganado Street
Pietà

10 ta’ Marzu 2012
Ref 11/93

Għażiż Sur Attard,

Qiegħed nehmeż dikjarazzjoni maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir sabiex tixxandar bħala Dritt ta’ Risposta fil-Bullettin tal-Aħbarijiet fuq NET TV ai termini tal-Att dwar ix-Xandir u l-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika li Japplikaw għal Bullettini tal-Aħbarijiet u l-Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti u l-Att Dwar l-Istampa.

L-Awtorità tax-Xandir tesiġi li dan id-Dritt ta’ Risposta jingħata fl-ewwel servizz marbut mal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali llejla fuq NET TV u kull darba li jerġa’ jixxandar is-servizz li deher fuq NET TV marbut ma’ dan il-każ.


Inselli għalik,

Mario Axiak
Kap Riċerka u Komunikazzjoni


Dritt ta’ Risposta Mitlub mill-Awtorità tax-Xandir

B’referenza għar-rapport li xxandar fuq NET News dwar l-intervent tal-Awtorità tax-Xandir sabiex filmati tal-Prim Ministru jżur uħud mil-lokalitajiet ma jibqax jixxandar fuq l-istazzjon, l-Awtorità tax-Xandir tixtieq tippreċiża dawn il-fatti:

1) mhux minnu li l-Awtorità ħarġet xi direttiva ġdida jew bidlet id-direttiva tagħha dwar l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali;
2) id-direttiva ġiet ikkomunikata fil-bidu tal-kampanja elettorali u kienet telenka, fost affarijiet oħra, x’jista’ jixxandar f’jum il-votazzjoni;
3) aktar kmieni wara nofsinhar tal-lum, l-Awtorità ddiriġiet li jieqfu l-filmati tal-Prim Ministru jżur il-lokalitajiet għaliex fihom kienu qiegħdin jidhru wħud mill-kandidati li kienu qed jikkontestaw f’lokalitajiet partikolari u li kien hemm referenza għalihom fis-servizz;
4) l-Awtorità tax-Xandir, bħala entità kostituzzjonali, tieħu dawk il-passi kollha kontra kwalunkwe ksur fuq kwalunkwe stazzjon meta tħoss li direttiva tagħha ma tkunx qed tiġi segwita. Dan jinkludi wkoll twissija li l-Awtorità ħarġet lil One sabiex iwaqqaf ix-xandir ta’ kumment li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni wara li xeħet il-vot tiegħu, liema kumment l-istazzjon ma reġax xandar wara din it-twissija.

Mario Axiak

 10 ta’ Marzu 2012

Kap Riċerka u Komunikazzjoni