TVM - Aħbarijiet - re. Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech




Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS rigward l-aħbarijiet ta’ TVM minħabba li ma għamel referenza għall-kontenut tac-chats bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech

L-Awtorità tax-Xandir kellha quddiemha lment imressaq mill-Partit Nazzjonalista kontra l-PBS minħabba li fl-aħbarijiet ta’ TVM ma kien hemm l-ebda referenza għall-kontenut taċ-chats bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech. F’seduta li nżammet fl-24 ta’ April 2023, għall-Partit Nazzjonalista dehru s-Segretarju Ġenerali Dr Michael Piccinino u Dr Francis Żammit Dimech u għall-PBS dehru l-Editor in Chief l-Inġ Charles Dalli u Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza tal-PBS.

L-Awtorità semgħet lil Dr Michael Piccinino, għall-Partit Nazzjonalista li qal li l-kontenut taċ-chats bejn il-membru parlamentari Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech kellhom diversi punti ta’ relevanza pubblika.  Semma fost l-oħrajn li Rosianne Cutajar baqgħet vokali għas-sapport ta’ Yorgen Fenech u li kienet tagħtih għajnuna bl-istqarrijiet. Qal ukoll li ċ-chats urew relazzjoni viċina bejn Yorgen Fenech u l-ex Prim Ministru Joseph Muscat.  Fiċ-chats issemmew ukoll li l-membru parlamentari Cutajar rċeviet basket tal-Bulgari u li rċeviet ammont ta’ flus mingħand Yorgen Fenech. Dr Piccinino qal li anke dak li qalet l-membru Parlamentari dwar il-ftehim tad-Dragonara ukoll kellu relevanza pubblika. Fl-aħħarnett il-frażi li kulħadd jitħanżer ukoll kellha relevanza biex tiġi rrappurtata fl-aħbarijiet.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Dr Piccinino kompla li saħansitra anke l-Prim Ministru Robert Abela ħass li din il-materja kellha relevanza politika, iżda l-PBS b’kuntrast ma’ dan, ħass li l-każ ma kienx rilevanti u ma nfurmax lill-poplu fuq il-kontenut ta’ dawn iċ-chats li qajmu kontroversja fil-pajjiż u li kienu ta’ interess pubbliku.

Dr Francis Zammit Dimech żied li tant kemm dawn iċ-chats kienu ta’ interess pubbliku li l-PBS kellu jirrapportahom u jinvestigahom bħala stazzjon u mhux sempliċiment jiġu rrappurtati b’mod kwalifikat mill-PBS jew x’qalu xi kelliema oħra dwarhom.

Għall-PBS, Dr Mark Vassallo wera u rrefera għal numru ta’ rapporti tal-aħbarijiet li l-PBS xandar inkonnessjoni ma’ dawn iċ-chats u ma’ dak li sussegwentament irriżulta minnhom. Qal li l-punti li ssemmew fl-ilment tal-Partit Nazzjonalista kollha ġew rrappurtati matul il-ġranet wara li ħarġu dawn iċ-chats. Barra minn hekk, Dr Vassallo qal li minħabba divjett mill-Qorti rigward iċ-chats, l-istazzjon ma kienx lest li jirrapporta l-kontenut ta’ dawn iċ-chats iżda rrapporta r-reazzjonijiet u l-osservazzjonijiet li kien hemm dwarhom fosthom anke minn kelliema tal-Partit Nazzjonalista u mill-Kap tal-Oppożizzjoni. 

Wara li l-Awtorità semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet, nnotat dan li ġej:-

  • Huwa minnu li l-kwistjoni taċ-chats kienet ta’ interess pubbliku minħabba r-relevanza tagħhom.
  • Rat ukoll li diversi punti miċ-chats bejn il-membru parlamentari Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech fosthom li d-deputat ħadet flus bħala senserija u l-kumment li kulħadd jitħanżer ġew irrappurtati permezz ta’ rappurtaġġ ta’ stqarrijiet jew kummenti minn kelliema politiċi.
  • Il-valur ewlieni li joħroġ miċ-chats ġew imxandra fuq l-aħbarijiet ta’ TVM.
  • L-aħbarijiet ta’ TVM irrapporta wkoll il-kummenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni li għamel dwar dawn iċ-chats waqt intervista li saret minn stazzjon privat.
  • L-Awtorità rat li l-PBS bħala stazzjon pubbliku jrid ikun minn ta’ quddiem biex jirrapporta stejjer ta’ relevanza pubblika dejjem fil-parametri tal-liġi u f’ċirkostanza bħal din, iżda tagħraf ukoll li l-istazzjon pubbliku m’għandux jikser id-divjett tal-Qorti.

Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, l-Awtorità tikkonkludi li matul il-ġranet meta din il-kwistjoni kienet fuq nett tal-aġenda tal-pajjiż, il-PBS irrapporta l-osservazzjonijiet u l-kummenti rigward dan il-każ mingħajr ma ppubblika dawn iċ-chats anke biex jimxi ma’ dak mitlub b’divjett mill-Qorti. F’dan it-tip ta’ rappurtaġġ ġew elenkati punti saljenti minn dawn iċ-chats, liema punti kellhom relevanza għall-pubbliku. Għaldaqstant l-Awtorità tħoss li dan l-ilment m’għandux jiġi milqugħ u konsegwentament tħoss li m’għandux jingħata rimedju.

 

3 ta’ Mejju 2023