TVM - Aħbarijiet - 14 ta' Lulju 2022




Deċiżjoni dwar ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd. rigward il-bulettin tal-aħbarijiet tal-14 ta’ Lulju 2022 dwar rapurtaġġ tas-sentenza mogħtija mill-Qorti fil-kawża tal-PN kontra PBS, Awtorità tax-Xandir, Avukat tal-Istat u l-Ministru responsabbli mix-xandir u l-konferenza stampa tal-Partit Nazzjonalista dwar l-istess suġġett

 

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 18 ta’ Lulju 2022 kontra l-aħbarijiet tal-PBS tal-14 ta’ Lulju 2022.  Dan l-ilment tratta l-mod kif ġiet irrapurtata s-sentenza tal-Qorti għall-kawża tal-Partit Nazzjonalista u r-rapurtaġġ tal-konferenza tal-aħbarijiet li ingħatat mill-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Bernard Grech b’reazzjoni għas-sentenza li kienet għadha kif ħarġet mill-Qorti ftit aktar qabel fl-istess jum.

 

Is-smigħ ta’ dan l-ilment inqasam f’żewġ seduti li saru fit-3 ta’ Awwissu u t-8 ta’ Awwissu 2022 minħabba li ntalbu xi dokumenti min-naħa tal-Partit Nazzjonalista lill-PBS u lill-Awtorità tax-Xandir. Għaż-żewġ seduti ta’ smigħ deher Dr Michael Piccinino għall-Partit Nazzjonalista u għall-PBS dehru l-Konsulent Legali tal-PBS Dr Mark Vassallo u l-Editor-in-Chief l-Inġ Charles Dalli. Dr Michael Piccinino xi jiem qabel is-seduta talab li jixhdu żewġ uffiċjali tal-PBS u uffiċjal tal-Awtorità u wara diskussjoni dwar proċedura, ġie deċiż li l-Editor-in-Chief tal-PBS iwieġeb għal kull mistoqsija relevanti mal-każ, u l-Awtorità permezz tal-Kap Eżekuttiv tagħha kienet se twieġeb għal xi mistoqsijiet min-naħa ta’ Dr Michael Piccinino.

 

Dr Michael Piccinino spjega l-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista, u qal li r-rapurtaġġ tal-bulettin tal-14 ta’ Lulju 2022 li xxandar fuq TVM u li tratta s-sentenza tal-Qorti tal-kawża tal-Partit Nazzjonalista ma kienx jinftiehem u ma kienx wieħed ċar. Qal li saħansitra r-rapurtaġġ ta l-impressjoni li l-Qorti ddeċidiet li ma kien hemm l-ebda ħtija min-naħa tal-PBS u tal-Awtorità tax-Xandir fuq żbilanċ.  Dr Piccinino qal li l-mod kif ġiet rrapurtata din is-sentenza ma kinitx tirrifletti dak li ġie deċiż mill-Qorti u ingħata x’jifhem li l-PBS ma nstabx ħati ta’ żbilanċ jew xi ksur tal-Kostituzzjoni. Dr Michael Piccinino rrefera wkoll għat-tieni parti tal-istess ilment minħabba li l-PBS fir-rapurtaġġ tal-konferenza tal-aħbarijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni ma ħax kumment ta’ Dr Bernard Grech li rreaġixxa għas-sentenza tal-Qorti u bil-caption li dehret waqt ir-rapport tat l-impressjoni li Dr Grech qed jgħid l-oppost ta’ dak li intqal fis-sentenza tal-Qorti.

Għall-PBS Dr Mark Vassallo saħaq fuq id-disrezzjoni editorjali tax-xandar li huwa fid-dmir li jiddeċiedi dwar dak li għandu siwi ta’ aħbar. Dr Vassallo qal li meta l-PBS irċieva l-ilment, l-istazzjon irraporta wkoll il-kontenut tal-ilment li sar fit-18 ta’ Lulju 2022 rigward dan il-każ biex jekk kien hemm xi affarijiet li ma kinux ċari, dawn setgħu ġew ċċarati. Rigward ir-rapurtaġġ tas-sentenza tal-Qorti, Dr Mark Vassallo qal li r-rapport tal-PBS ittieħed kważi verbatim mis-sentenza tal-Qorti u għalhekk jifhem li r-rappurtaġġ tas-sentenza kien wieħed ġust.

 

Fir-rigward tat-tieni parti tal-ilment Dr Mark Vassallo ppreżenta statistika min-naħa tal-PBS dwar in-numru ta’ press releases li nħarġu mid-DOI u mill-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista u statistika dwar in-numru ta’ sound on tape li xxandru fil-bulettini tal-aħbarijiet bejn Mejju u Lulju 2022.  L-Editor-in-Chief Charles Dalli ppreżenta wkoll il-Policy Editorjali tal-istazzjon dwar meta għandhom jittieħdu l-kummenti u Dr Mark Vassallo qal li wieħed ried jara l-assjem taż-żewġ rapurtaġġi u meta wieħed iqis kif normalment jiġu rrapurtati l-konferenzi tal-aħbarijiet, Dr Vassallo qal li l-Editur ħass li l-aħbar kienet waħda ġusta u ma kienx hemm ħtieġa li jinġieb sound on tape. Is-Sur Charles Dalli żied li normalment il-PBS ma jxandarx reazzjonijiet għas-sentenzi tal-Qorti iżda qal li f’dan il-każ il-PBS ħass li jiġu rrapurtati r-reazzjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni għal din is-sentenza, liema reazzjonijiet saru waqt din l-istess konferenza tal-aħbarijiet.

 

Wara li l-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat id-dokumentazzjoni relattiva rriżulta li r-rapurtaġġ tas-sentenza tal-Qorti li seħħ fl-14 ta’ Lulju u aktar tard il-kontenut tal-ilment tat-18 ta’ Lulju 2022, liema ilment tqassam ukoll lill-mezzi kollha tax-xandir mill-Partit Nazzjonalista. Peress li r-rapurtaġġ tal-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista ta pożizzjoni aktar ċara ta ta’ dak li ingħad fid-deċiżjoni tal-Qorti, l-ilment mhux qed jintlaqa’. 

 

Rigward it-tieni parti tal-istess ilment l-Awtorità osservat li filwaqt li hemm element ta’ diskrezzjoni editorjali tal-istazzjon dwar liema kummenti jiġu mxandra, xorta waħda dawn iridu jimxu mal-provvediment tal-leġislazzjoni fir-rigward ta’ valur ta’ aħbar. Fid-dawl ta’ dan l-Awtorità qed tesiġi mal-PBS li għandu jkun hemm attenzjoni  kbira għall-mod meta jittieħdu dawn il-kummenti lill-politiċi. L-istazzjon għandu jaċċerta li jkun hemm rappreżentanza xierqa fin-numru ta’ intervisti li jixxandru matul il-bulettini tal-aħbarijiet bejn il-kelliema tal-Gvern u l-kelliema tal-Oppożizzjoni.

 

Fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni l-Awtorità qed titlob li jinqara dan is-sunt hekk kif ġej  fil-bulettin tal-aħbarijiet fuq TVM u TVMNews+ u dan fi żmien tmienja u erbgħin (48) siegħa minn mindu tiġi ppubblikata din id-deċiżjoni :-

 

F’żewġ seduti li inżammew fit-3 u fit-8 ta’ Awwissu, l-Awtorità semgħet l-ilment tal-Partit Nazzjonalista kontra PBS rigward ir-rapurtaġġ tas-sentenza tal-Qorti li fetaħ il-Partit Nazzjonalista kontra PBS, l-Awtorità tax-Xandir, il-Ministru ta’ dak iż-żmien Carmelo Abela u l-Avukat tal-Istat. L-Awtorità sabet li l-PBS kien korrett fir-rapurtaġġ tas-sentenza iżda osservat li waqt ir-rapurtaġġ tal-konferenza tal-aħbarijiet minn Dr Bernard Grech b’reazzjoni għall-istess sentenza tal-Qorti, il-PBS ma ħax kumment tal-Kap tal-Oppożizzjoni. L-Awtorità dderiġiet lill-PBS biex tingħata attenzjoni kbira għall-mod meta jittieħdu l-kummenti lill-politiċi. Minħabba l-fatt li mill-istatistika li ġiet esebita waqt is-smigħ jirriżulta żbilanċ qawwi u nett bejn is-sound on tape li jittieħdu mill-kelleima tal-Gvern u dawk tal-Oppożizzjoni, l-Awtorità dderiġiet lill-istazzjon biex jaċċerta li jkun hemm rappreżentanza xierqa fin-numru ta’ intervisti li jixxandru matul il-bulettini tal-aħbarijiet bejn il-kelliema tal-Gvern u l-kelliema tal-Oppożizzjoni.

 

23 ta’ Awwissu 2022