TVM - Aħbarijiet - 15 ta' April 2023




Deċiżjoni dwar ilment mill‑Partit Nazzjonalista kontra l‑PBS rigward l‑aħbarijiet ta’ TVM tal‑15 ta’ April 2023 rigward nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ stqarrija tal‑Partit Nazzjonalista għall‑istorja li dehret rigward l‑Airmalta

L‑Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill‑Partit Nazzjonalista kontra l‑aħbarijiet tal‑PBS tal‑15 ta’ April dwar nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ stqarrija tal‑Partit Nazzjonalista għall‑istorja li dehret rigward l‑Airmalta. Preżenti għas‑seduta tas‑smigħ li saret fl‑4 ta’ Mejju 2023, kien hemm preżenti Dr Michael Piccinino u Dr Francis Zammit Dimech għall‑Partit Nazzjonalista u għall‑PBS dehru l‑Editor in Chief l‑Inġ. Charles Dalli u Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza tal‑PBS.

Għall‑Partit Nazzjonalista, Dr Michael Piccinino rrefera għall‑istorja li ħarġet fuq ġurnal lokali fil‑15 ta’ April dwar li l‑Airmalta kienet se tagħlaq. Qal li dakinhar il‑Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija iżda l‑PBS għażel li ma jirraportahiex minħabba li ried li jinvestiga l‑istorja minn sorsi uffiċjali.

Dr Michael Piccinino qal li tlett ijiem wara l‑PBS ħadu l‑kumment tal‑Ministru Clyde Caruana u tal‑Kelliem tal‑Oppożizzjoni Ivan J Bartolo. Qal li wieħed ma setax jifhem kif il‑PBS jieħu tlett ijiem biex jinvestiga din l‑istorja meta fil‑fatt kulma għamel kien li ħadu dawn iż‑żewġ kummenti. Qal li l‑PBS għażel li jistenna lill‑Ministru Caruana minflok irrapporta l‑istqarrija tal‑Oppożizzjoni mill‑ewwel.

Min‑naħa tiegħu Dr Francis Zammit Dimech qal li stazzjon pubbliku għandu jsegwi storja ta’ importanza nazzjonali kif tkun qed tevolvi u għandu jindaga mill‑ewwel.  Qal li l‑PBS ma jistax joqgħod biss fuq il‑kummenti tal‑politiċi kif għamel f’dan il‑każ.

Għall‑PBS Dr Mark Vassallo qal li huwa obbligu tal‑PBS li jinvestiga l‑istejjer u joqgħod ma’ sorsi uffiċjali u għalhekk il‑PBS kellu jagħmel il‑verifiki tiegħu qabel ma jirrapporta l‑istorja tal‑Airmalta li dehret f’ġurnal lokali. Qal li fil‑fatt il‑PBS irrapporta l‑istorja dwar il‑linja tal‑ajru Airmalta bil‑kummenti tal‑Ministru u tal‑Kelliem tal‑Oppożizzjoni fit‑18 ta’ April 2023 u saħansitra din l‑istorja tpoġġiet fil‑punti ewlenin. Dr Mark Vassallo enfasizza li f’materja bħal din il‑PBS ried ikun kawt u jara li l‑aħbar tkun veritiera.

Wara li l‑Awtorità semgħet is‑sottomissjonijiet u rat il‑filmati u d‑dokumenti relatati mal‑każ innotat dan li ġej:‑

  • Dan l‑ilment kien jittratta essenzjalment kemm il‑PBS kellhom ikunu spediti fl‑investigazzjoni tagħhom dwar din l‑istorja tal‑linja tal‑ajru Airmalta li ġiet irrappurtata fuq ġurnal lokali.
  • L‑Awtorità tħoss li l‑PBS għamel tajjeb li ma joqgħodx fuq storja li ġiet ippubblikata minn ġurnal ieħor imma kellu jivverifika u jinvestiga hu bħala kamra tal‑aħbarijiet.
  • L‑Awtorità tifhem li l‑kamra tal‑aħbarijiet tal‑PBS setgħet tkun aktar spedita fl‑investigazzjoni ta’ dan il‑każ, aktar u aktar meta fil‑fatt il‑qofol tal‑investigazzjoni kienu ż‑żewġ kummenti li xxandru fil‑bulettin tat‑18 ta’ April, wara li saret intervista mal‑Ministru Clyde Caruana u l‑kelliem tal‑Oppożizzjoni Ivan J.Bartolo.  Barra minn hekk tifhem li l‑istazzjon pubbliku għandu jagħmel il‑verifiki u jagħmel l‑istorja tiegħu minn sorsi uffiċjali.

L‑Awtorità laqgħet l-ilment minħabba li fiċ-ċirkostanzi jirriżulta li kien hemm nuqqas ta’ speditezza. F’dan il-każ l-Awtorità ma tħossx li hemm lok għal rimedju imma qed titlob lill-istazzjon jaqra dan is-sunt :-

 

Waqt seduta ta’ smigħ li saret fl‑4 ta’ Mejju, l‑Awtorità tax‑Xandir laqgħet l‑ilment tal‑Partit Nazzjonalista dwar in‑nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ stqarrija tal‑Partit Nazzjonalista dwar l‑Airmalta minħabba li l‑PBS kellu jkun aktar spedit fl‑investigazzjoni tiegħu biex jirrapporta l‑istorja dwar il‑linja tal‑ajru Airmalta. Filwaqt li l‑Awtorità tifhem li l‑aħbarijiet tal‑PBS għandu jinvestiga b’mod akkurat, l‑investigazzjoni setgħet saret b’aktar speditezza.

 

 

16 ta’ Mejju 2023