TVM - Aħbarijiet - 18 ta' April 2023 - Keith Schembri




Deċiżjoni dwar ilment mill‑Partit Nazzjonalista kontra PBS dwar l‑aħbarijiet ta’ TVM tat‑18 ta’ April rigward ix‑xhieda ta’ Keith Schembri quddiem il‑PAC

L‑Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill‑Partit Nazzjonalista kontra l‑aħbarijiet tal‑PBS tat‑18 ta’ April 2023 minħabba li ġew iċċensurati punti li ħarġu mix‑xhieda ta’ Keith Schembri quddiem il‑PAC. Il‑Partit Nazzjonalista lmenta li dawn kienu punti ta’ interess pubbliku u li kellhom jiġu rrappurtati.

Preżenti għal din is‑seduta li saret fl‑4 ta’ Mejju 2023, dehru s‑Segretarju Ġenerali Dr Michael Piccinino u Dr Francis Zammit Dimech għall‑Partit Nazzjonalista u għall‑PBS deher l‑Editor in Chief l‑Inġ. Charles Dalli.

Għall‑Partit Nazzjonalista, Dr Michael Piccinino qal li Keith Schembri deher quddiem il‑PAC u qal li dak li joħroġ minn dak is‑smigħ ikun ta’ interess pubbliku. Qal li fil‑fatt f’dak is‑smigħ kien hemm numru ta’ tweġibiet minn Keith Schembri li l‑Partit Nazzjonalista jħoss li kienu ta’ interess pubbliku u li kellhom jiġu rrappurtati mill‑PBS. Dr Michael Piccinino semma xi eżempji fosthom li Keith Schembri  nesa jekk kienx ta kunsens biex tinfetaħ kumpanija tiegħu fil‑Panama. Qal li l‑PBS ma rrappurtawx ukoll li Keith Schembri giddeb dak li qal l‑eks Ministru Edward Scicluna u l‑eks Assistent Kummissarju tal‑Pulizija Silvio Valletta taħt ġurament u lanqas ma rrappurtaw li Keith Schembri għażel li ma jweġibx xi mistoqsijiet dwar x’għamel wara li Yorgen Fenech kien qed jiġi akkużat bl‑assassinju tal‑ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dr Piccinino qal li dawn huma fatti li ħarġu mix‑xhieda u l‑PBS ħass li ma kellhomx relevanza.

Għall‑PBS l‑Editor in Chief l‑Inġ. Charles Dalli qal li l‑PBS irrapporta din is‑seduta u għamel rapport konċiż billi rrapporta l‑punti saljenti li ħarġu minn dan is‑smigħ. Qal li l‑kamra tal‑aħbarijiet kontinwament issegwi u tirrapporta meta jkun hemm dawn il‑kumitati u tħoss li l‑punti saljenti qed jiġu rrappurtati kull darba.

Bi tweġiba għal dan, Dr Zammit Dimech qal li fil‑punti saljenti ma jistgħux jinqabżu punti li jkollhom valur ta’ aħbar bħalma kienu dawn li ssemmew fis‑seduta.

Wara li l‑Awtorità rat is‑sottomissjonijiet tal‑partijiet, rat li l‑kamra tal‑aħbarijiet irrapportat dak li ntqal minn Keith Schembri waqt il‑PAC u qalet li dan ma kienx każ ta’ gatekeeping imma ta’ diskrezzjoni editorjali. Għaldaqstant l‑Awtorità qablet li ma tilqax dan l-ilment.

 

16 ta’ Mejju 2023