TVM - Aħbarijiet - 18 ta' April 2023 - Storja tal-Airmalta




Deċiżjoni dwar ilment mill‑Partit Nazzjonalista kontra PBS rigward l‑aħbarijiet ta’ TVM tat‑18 ta’ April dwar il‑mod kif il‑PBS irrapporta l‑istorja tal‑Airmalta f’argument bejn il‑Gvern u l‑Oppożizzjoni fil‑punti ewlenin

L‑Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mill‑Partit Nazzjonalista kontra l‑aħbarijiet tal‑PBS tat‑18 ta’ April dwar il‑mod kif il‑PBS irrapporta l‑iżviluppi marbuta mal‑istorja tal‑Airmalta f’argument bejn il‑Gvern u l‑Oppożizzjoni mingħajr ma ttieħdu l‑veduti taċ‑Chairperson tal‑Airmalta. Il‑Partit Nazzjonalista lmenta li fil‑punti ewlenin il‑PBS ma nkludiex ir‑reazzjoni taċ‑Chairperson tal‑Airmalta imma baqa’ fuq dak li qed jgħid il‑Gvern.

Preżenti għas‑smigħ li sar fl‑4 ta’ Mejju 2023 kien hemm preżenti Dr Michael Piccinino u Dr Francis Zammit Dimech għall‑Partit Nazzjonalista u għall‑PBS dehru l‑Editor in Chief l‑Inġ. Charles Dalli u Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza tal‑PBS.

Għall‑Partit Nazzjonalista, Dr Michael Piccinino qal li wara tlett ijiem minn mindu ħarġet l‑istorja tal‑Airmalta, il‑PBS irrapporta il‑kummenti tal‑Ministru Clyde Caruana u l‑kelliem tal‑Oppożizzjoni Ivan J Bartolo u ma ħax kummenti miċ‑Chairperson tal‑Airmalta, David Curmi minkejja li qal xi ħaġa kompletament differenti minn dak li qal il‑Ministru. Qal li lanqas saret referenza għalih fil‑punti ewlenin u l‑PBS irrapporta biss dak li qal il‑Ministru fil‑punti ewlenin.

Għall‑PBS Dr Mark Vassallo qal li fit‑18 ta’ April, sar rappurtaġġ tal‑Airmalta u saret referenza għal dak li qal iċ‑Chairperson tal‑Airmalta u wara ttieħed kumment tal‑Ministru Clyde Caruana u l‑kelliem tal‑Oppożizzjoni Ivan J Bartolo. Qal li fuq storja bħal din, il‑PBS deherlu li jibqa’ fuq is‑sors tal‑politiku iżda fir‑rapport kien intqal li ċ‑Chairperson David Curmi li ma kienx qed jaqbel ma’ dak li kien qed jgħid il‑Ministru.

Wara li l‑Awtorità rat is‑sottomissjonijiet u d‑dokumenti relatati, l‑Awtorità kkonstatat dan li ġej:‑

  • Ir‑rapport li xxandar fil‑bulettin tat‑18 ta’ April ġabar sunt ta’ kollox dwar l‑istorja tal‑Airmalta. Ir‑rapport semma wkoll dak li qal iċ‑Chairperson tal‑Airmalta David Curmi u għaldaqstant kellu l‑veduti kollha dwar l‑iżvilupp ta’ din l‑istorja.
  • L‑Awtorità tagħraf li l‑punt ewlieni li ħabbar din l‑istorja seta’ irrifletti l-veduti kollha, iżda tagħraf ukoll li hemm restrizzjonijiet meta jinbnew il‑punti ewlenin minħabba li jridu jkunu konċiżi f’dak li jingħad. L‑Awtorità tagħraf ukoll li l‑punti ewlenin jattiraw l‑udjenza li tkun ser issegwi l‑bulettin u xi drabi wkoll l‑udjenza toqgħod fuq dak li jiġi rrappurtat fil‑punti ewlenin.

Fid‑dawl ta’ dan, l‑Awtorità tilqa’ dan l‑ilment minħabba li l‑punt ewlieni seta’ kien aktar bilanċjat, iżda ma hemm lok għal ebda rimedju ħlief li jinqara sunt hekk kif ġej:‑

 

Waqt seduta ta’ smigħ li saret fl‑4 ta’ Mejju, l‑Awtorità tax‑Xandir laqgħet l‑ilment tal‑Partit Nazzjonalista dwar il‑mod kif il‑PBS irrapporta l‑iżviluppi marbuta mal‑istorja tal‑Airmalta fil‑bulettin tat‑18 ta’ April 2023. Filwaqt li r‑rapport li xxandar fil‑bulettin ġabar sunt ta’ kollox dwar l‑istorja tal‑Airmalta u l‑iżviluppi dwar il‑każ, il‑punt ewlieni kellu jkun aktar bilanċjat.

 

 

16 ta’ Mejju 2023